Filmat: Il-PN se jippreżenta 15-il mod ta’ nifs ġdid għal Malta – Delia

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta 15-il lezzjoni li jistgħu joffru “nifs ġdid” lil Malta, skont il-Kap tal-PN Adrian Delia.

Delia qal dan illum waranofsinhar fuq it-televiżjoni. Hu elenka l-punti li fuqhom qed jaħdem il-PN u ħabbar li se jiġu ppreżentati f’aktar dettal ‘il quddiem. Fost il-proposti li semma Delia kien hemm tibdil fl-uffiċċju tal-President, fil-parlament, fil-forzi dixxiplinati, u fil-midja.

Fid-diskors tiegħu Delia qal li Malta għandha bżonn toħroġ mill-kriżi li tinsab fiha. Qal li dan jista’ jsir biss jekk ikun hemm ġustizzja f’kull aspett b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Delia saħaq li kull min hu fil-Gvern u li ppromwova l-korruzzjoni għandu jwarrab. Qal li Muscat għandu jwarrab għax huwa kompletament kompromess. Żied jgħid li kull vot ta’ fiduċja f’Muscat huwa att ta’ kompliċità fil-ħażen.

Skont Delia s-sitwazzjoni ta’ bħalissa se tħalli konsegwenzi soċjali, kulturali, eknonomiċi, u politiċi f’Malta. Qal li se jieħu ż-żmien sakemm tissewwa l-ħsara li saret.

Fi kliem Delia, il-PN irid jerfa’ parti mill-ħtija tal-kriżi. Qal li fil-passat il-PN kien għamel il-ġid imma li saru wkoll nuqqasijiet.

Fost il-proposti tal-PN, Delia semma’:

  • Ħatra ta’ President li jkun President ta’ Nazzjon
  • Qrati li jispiraw il-fiduċja
  • Parlament li jiskrutinizza b’mod awtonomu
  • Jispiċċa l-bejgħ taċ-ċittadinanza
  • Awtoritajiet indipendenti
  • Avukat Ġenerali indipendenti
  • Forzi dixxiplinati tajbin
  • Positions of trust fejn ikun hemm bżonn biss
  • Awditur Ġenerali li jifli kollox fil-ħin
  • Finanzjament tal-partiti
  • Xandir tal-istat imparzjali
  • Ħarsien tal-ġurnaliżmu investigattiv
  • Tisħiħ tas-soċjetà ċivili
  • Tisħiħ tal-Kummissjoni Permanenti ta’ Kontra l-Korruzzjoni

Xi snin ilu l-PN kien diġà ppubblika proposti għall-governanza tajba. Però dawn ġew aġġornati u l-PN qed isejjaħ uħud mill-proposti l-ġodda bħala kompletament innovattivi.

Fosthom hemm il-proposti dwar il-finanzjament tal-partiti u tal-midja. Dan biex ikunu tassew indipendenti u ma jkollhomx għalfejn jistrieħu fuq flus minn terzi.

Dwar il-ġudikatura l-PN qed jissuġġerixxi li jkun hemm bidla fl-għażla tal-ġudikanti. Il-PN irid li l-Prim Imħallef ikun maħtur minn żewġ terzi tal-parlament u li jkun parti minn kumitat li jinkludi l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman, u tliet imħalfin. Dan il-kumitat imbagħad jgħażel tliet ismijiet li jitressqu għand il-Kabinett. Il-Kabinett ikollu bilfors jgħażel minn dawn it-tliet ismijiet.

Il-PN irid ukoll li x-xandir tal-istat ikun aktar awtonomu mill-Gvern. Dan billi ċ-Chairperson ikun maħtur minn 2/3 tal-kamra u li dan ix-xandir ikun sempliċiment iffinanzjat mill-istat. Ikun hemm ukoll spazzju għall-partiti u għas-soċjetà ċivili. Dan jista’ jwitti t-triq biex il-partiti politiċi ma jkollhomx aktar għalfejn ikollhom stazzjonijiet tagħhom.

Il-PN qed jipproponi li l-MPs ikunu full-time biex jaqdu dmirhom b’mod professjonali mingħajr dipendenza fuq il-gvern tal-ġurnata.

Intant skont is-sit Net News il-Kumitat Eżekuttiv, il-Kunsill Amministrattiv, u l-Grupp Parlamentari tal-partit qablu li jissejjaħ Kunsill Ġenerali Straordinarju l-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru.

Intqal li l-Kunsill Ġenerali mistenni jiddiskuti l-kriżi politika li għaddejja bħalissa f’Malta iżda fl-istess waqt, mistenni li jiġu diskussi wkoll numru ta’ proposti dwar x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem.