Filmat: Bżonn miżuri immedjati għan-negozji – Delia

delia1

Read in English.

Konferenza tal-ahbarijiet

Konferenza tal-aħbarijiet. 🇲🇹

Posted by Adrian Delia on Friday, March 13, 2020

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-Gvern mhux jipprovdi l-informazzjoni neċessarja dwar kif il-pubbliku għandu jirreaġixxi b’rabta mal-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus.

Waqt konfereneza tal-aħbarijiet, Adrian Delia saħaq li hemm bżonn miżuri immedjati biex jindirizzaw l-effetti li l-coronavirus qed iħalli fuq in-negozji.

Dr Delia qal li jekk il-pajjiż jaġixxi malajr biex il-virus ma jinfirixx, ikun f’pożizzjoni aħjar biex jindirizza l-effetti tiegħu, fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Żied jgħid li l-impjegati u min iħaddem hemm bżonn li jgħaġġlu l-miżuri, biex jevitaw possibilità li l-virus jiġi trażmess fuq il-post tax-xogħol.

Filwaqt li fisser, li miżuri ta’ prekawzjoni jxekklu r-rutina ta’ kuljum, fisser li f’dan l-istadju hu meħtieġ li kulħadd jipproteġi lil xulxin. “Is-sitwazzjoni tista’ twassal għal telf għan-negozji, telf ta’ impjiegi u pagi.

Insista li l-Gvern qed jirreaġixxi minflok ikun proattiv, u li għandu jassigura li l-pajjiż jerġa’ lura għan-normalità. Fl-istess waqt wiegħed li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lesta li tgħin.

Dr Delia stqarr li ma jistax jifhem kif ilbieraħ il-Gvern irrifjuta t-talba tal-Oppożizzjoni li jissospendi l-aġenda tal-Parlament biex jiddiskuti l-imxija tal-coronavirus.

Adrian Delia qal li immedjatament aċċetta t-talba mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jiltaqa’ miegħu biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi.

Bżonn kumpens għal dawk milquta mill-coronavirus – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu azzjoni u jikkumpensa lil dawk milquta mill-pandemija tal-coronavirus. Fi stqarrija, il-PN stqarr li għandha tinħoloq sistema fejn min se jinstab bla impjieg jew bi ġranet jew sigħat imnaqqsa, il-Gvern jidħol għal dan in-nuqqas b’effett immedjat.

Għandu jsir bħalma sar fil-passat, fejn gvern Nazzjonalista kien ħallas ta’ ġurnata xogħol meta l-ħaddiema kellhom ġimgħa xogħol ta’ erbat ijiem biss”, żied jgħid il-PN. Sostna li l-isfida tal-coronavirus għandha tiġi indirizzata b’mentalità proattiva u mhux passiva, fejn is-serħan il-moħħ u s-saħħa tal-poplu jkunu ta’ prijorità.

“Nitolbu diżinfettazzjoni immedjata tal-karozzi tal-linja’ – Team Start

Intant il-fergħa taż-żgħażagħ tal-PN, Team Start, esprimiet it-tħassib dwar il-livell ta’ iġjene tal-karozzi tal-linja li ħafna nies, inkluż żgħażagħ, jużaw. “F’ċirkustanzi bħal dawn, fejn bħala pajjiż qed nagħmlu dak li huwa meħtieġ biex nikkumbattu l-coronavirus hemm bżonn aktar minn qatt qabel li ssir diżinfettazzjoni u fumigazzjoni ta’ dawn il-karozzi”, tkompli tgħid l-istqarrija ta’ Team Start.

“Mhux aċċettabbli li l-ħaddiema jġorru dan il-piż finanzjarju ta’ dan il-leave”

Il-GWU qalet li mhux se tkun qed taċċetta miżuri imposti u arbitrarji mingħajr ebda konsultazzjoni fejn hija rappreżentata li jmorru kontra proċeduri u protokolli stabbiliti. Saħqet li s-sitwazzjoni tal-lum titlob maturità u attenzjoni speċjali kemm fuq l-impatt ta’ saħħa kif ukoll dak ekonomiku. Enfasizzat għal iktar kollaborazzjoni, konsultazzjoni, djalogu u qbil, bejn min iħaddem u min jirrappreżenta l-ħaddiema.

L-unjin semmiet li rċeviet diversi lmenti  minn ħaddiema li ntbagħtu d-dar bil-leave għall-kwarantina u ġew infurmati li dan il-leave mingħajr ħlas jew li ser jitnaqqas mil-leave tagħhom jew minn leave tal-mard. Il-GWU għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara mill-bidu li l-kwarantina għandha tkun leave speċjali bi ħlas. “Mhux aċċettabbli li l-ħaddiema jġorru dan il-piż finanzjarju ta’ dan il-leave”, żiedet tgħid.    

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn