Filmat: Scicluna u Muscat għandhom jerfgħu r-responsabbiltà – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar it-tender tal-Vitals Global Healtchare, u n-nuqqasijiet li nstabu hawn, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għandhom jerfgħu r-responsabbiltà.

Illum fil-Parlament kien diskuss ir-rapport dwar il-proċess tat-tender tal-Vitals Global Healthcare, liema każ Delia kien partikolarment vokali fuqu matul l-aħħar xhur.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Delia qal li l-PN ilu jgħid li l-proċess li bih saret din il-konċessjoni kienet imnawra u ħażina. Sostna li fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali qabel ma’ dak li l-Oppożizzjoni ilha tgħid żmien. Spjega kif l-Awditur innota kif il-Gvern tefa’ riskju aktar milli suppost fuq spallejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Qal li l-Awditur Ġenerali sab li l-Gvern ma għabba l-ebda responsabbiltà fuq il-Vitals. Delia sostna li l-ftehim sar mingħajr ma saru l-eżerċizzji neċessarji biex jassiguraw li dan il-ftehim kien se jkun wieħed sikur għall-pajjiż.

“Dan il-kuntratt sar biex mill-ġid tal-Maltin jingħataw tliet sptarijiet, €2,000 miljun b’kollox, lil xi ħadd li l-Gvern kellu ftehim miegħu minn qabel,” qal Delia. Qal li issa hawn rapport li qed jgħid li l-gvern seraq lill-poplu Malti.

Delia qal li l-Ministru Edward Scicluna għandu jerfa’ r-responsabbiltà. Qal ukoll li anke Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà minkejja li m’għadux fil-Kabinett. Sostna li t-tnejn għandhom deċiżjoni x’jagħmlu, iżda wkoll qal li l-poplu se jkun qed jara x’deċiżjoni se jieħu l-Prim Ministru kurrenti Robert Abela.

Delia sostna li dan il-kuntratt ilu jattakkah il-Qorti mid-19 ta’ Frar tal-2018. Qal li l-Avukat Ġenerali kien għażel li minflok jattakkah hu, għażel li jiddefendi lill-barranin u lill-kriminali minflok il-Maltin.

Intant qal li lbieraħ mar għand il-Kummissarju tal-Pulizija u qallu dak kollu li qed jiġri u li l-Maġistrat beda l-proċeduri fil-kuntest ta’ theddid fil-konfront ta’ Delia. Delia qal li aktar kemm se jara attakki fil-konfront tiegħu, iktar se jkompli jissielet biex toħroġ il-korruzzjoni kollha. Hu sostna li minflok, Abela qed jagħżel li jipproteġi lill-kriminal, jisraq u jħalli li jinsterqu l-Maltin u l-Għawdxin.

L-Awditur jikkonferma li l-Maltin nsterqu l-miljuni” – Delia fil-Parlament

Intant, aktar kmieni, fl-ewwel reazzjoni tiegħu għar-rapport tal-Uffiċċju tal-Verifika dwar it-trasferiment tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak ta’ Għawdex lil Vitals Global Healthcare, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Awditur Ġenerali kkonferma li l-Maltin qed jinsterqu l-miljuni.

Delia talab lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia dwar jekk il-Gvern kienx f’pożizzjoni li jagħmel stqarrija b’reazzjoni għar-rapport tal-Awdituri Ġenerali, li nnota li kien hemm nuqqasijiet sinifikanti fil-proċess fejn ma saritx due diligence adekwata, l-offerta tal-Vitals kienet nieqsa mis-sustanza, il-ftehim sar minn wara dahar il-Ministru għall-Finanzi u l-kabinett kif ukoll li Vitals kellu jiġi skwalifikat.

Min-naħa tal-Gvern, il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li r-rapport ħareġ ftit tal-minuti ilu u għad jrid jiġi analizzat qabel ma l-Gvern ikun jista’ jagħti reazzjoni.

Rappurtaġġ mill-Parlament ta’ Paul Cachia