Filmat: L-użu tad-dinja diġitali għandu jkun prijorità – Delia

Il-Kap tal-Opożizzjoni Adrian Delia tkellem dwar il-prijoritajiet tal-grupp tal-Partit Nazzjonalista għandu jaħdem fuqhom biex flimkien mal-Gvern ikun proattiv. Dan wara li ġiet imħabbra r-reshuffle. Hu qal li bħalissa l-pajjiż għandu l-opportunità li jkun minn ta’ quddiem biex jagħmel użu tad-dinja diġitali fix-xogħol ta’ kuljum.

Hu spjega li l-emerġenzi ewlenin huma l-emerġenza tas-saħħa u l-emerġenza tal-klima. Qal li bħalissa mhux il-mument tal-politika partiġġjana. Semma kif fl-aħħar ġranet ġiet iddikkjarata emerġenza tas-saħħa. Qal li l-iktar ħaġa importanti bħalissa huma l-awtoritajiet tas-saħħa u d-direzzjoni li qed jagħtu huma.

Delia sostna li fl-aħħar snin, id-dinja tax-xogħol ittieħdet for granted. Qal li l-prijorità bħalissa hija li ma jkunx hemm telfien ta’ xogħol. Irrimarka li l-Gvern ta’ l-għajnuna lil aktar minn 60,000 imma hemm għexieren oħrajn li s’issa għadhom mingħajr għajnuna.

Hu sostna li hemm ukoll hemm opportunitajiet. Qal li hemm bżonn li wieħed iħares iktar ‘il quddiem u jipprepara lilu nniffsu għall-futur. Dan sabiex ikun hemm l-abbiltà kif wieħed juża’ aktar id-dinja diġitali. Irrimarka li l-Gvern għandu bżonn ikun lest li jagħmel użu tal-intelliġenza artifiċjali anke fejn jidħol trasport u saħħa. Qal li Malta tista’ tkun minn ta’ quddiem nett biex tagħmel dan.

Tkellem ukoll dwar il-fondi Ewropej, u qal li hemm bżonn li Malta tkun aktar attiva fid-diskussjonijiet ta’ kif għandhom jitqassmu l-fondi.

Delia semma wkoll it-turiżmu f’dinja li qed tinbidel, il-pensjonijiet li jridu jkunu sostenibbli, il-ġlieda kontra l-faqar mhux biss finanzjarju iżda wkoll dak ta’ solitudni u diżabbiltajiet fost l-oħrajn, u wkoll lil Għawdex. Tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull persuna. Qal li hemm bżonn il-persuna tkun fiċ-ċentru tal-komunità.

Min-naħa tiegħu, il-MP David Agius qal li hu għandu responsabbiltà għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u sostna li se jagħmel ħiltu li l-persuni milquta ħażin ħafna jieħdu l-għajnuniet li hemm bżonn. Insista li l-Gvern għandu jagħmel il-parti tiegħu biex ħadd ma jbati. Qal li fil-PN se jkunu qed jaħdmu sabiex jiżguraw li l-aktar problemi urġenti ma jinħbewx taħt it-tapit, imma jsiru prijorità għall-Partit Laburista wkoll.

Il-MP Robert Arrigo qal li d-dinja li l-poplu kien jgħix fiha xahar ilu spiċċat. Qal li l-għajnun ta’ €800 li ta l-Gvern ma taqdi lil ħadd, la lil min ħadha u lanqas lil dawk li tħallew barra. Irrimarka li l-proposti tal-PN kienu mmirati biex in-negozji jibqgħu ħajjin wara li jgħaddi kollox.

Intant, il-MP Alex Perici Calascione qal li t-tisħiħ tad-demokrazija huwa importanti dejjem, qal iżda li perjodi bħal dawn jpprovdu sfida għas-sisien tagħha. Qal li ż-żmien kurrenti huwa mument fejn fil-pajjiż daħlet fis-seħħ liġi straordinarja li tagħti poteri lis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika li tieħu deċiżjonijiet mingħajr bżonn ta’ approvazzjoni mill-Parlament, mill-Gvern u mill-Oppożizzjoni.

Min-naħa tiegħu, Francis Zammit Dimech qal li hemm bżonn li kulħadd iħares lejn dak kollu li għandu quddiemu il-pajjiż. Irrimarka li hija forsi ironija li dan iż-żmien wassalna biex niżaw aktar minn qatt qabel l-għodda tas-soċjetà diġitali. Qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jħares lejn ix-short term, imma wkoll lejn il-medium term u l-long term.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi dwar jekk jaqbilx li għandha tinfetaħ il-Kaċċa fir-Rebbiegħa, Delia reġa’ rrepeta l-punti ewlenin li tkellem dwarhom waqt il-konferenza. Qal li l-linja tiegħu llum, jekk hemm xi problemi relatati ma’ saħħa, dawn għandhom jiġu bbażati fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Mistoqsi dwar fejn kellhom jitqassmu l-immigranti skont il-PN, Delia qal li l-iżolamenti kienu qed isiru fl-istess ċentri. Qal li qed jgħid il-PN, għandu jkun hemm swabbing tal-komunitajiet sħaħ li hemm fiċ-ċentri miftuħa. Qal li hemm bżonn li dawn il-persuni li jinstabu pożittivi jiġu segregati kompletament.