Filmat: F’Tas-Sliema qed jagħmlu sa 3 bibien minħabba s-serq – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li kelmuh diversi residenti minn Tas-Sliema mħasbin bis-serq li qed ikun hemm, tant li qed jinstallaw żewġ jew tliet bibien fir-residenzi tagħhom.

Delia qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-każin tal-PN f’Tas-Sliema. Qal li hemm nuqqas ta’ ħarsien mill-Pulizija għax m’hemmx biżżejjed riżorsi.

Delia rringrazzja lil dawk li jagħmlu xogħol manwali. Irringrazzja wkoll lill-bdiewa u akkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li jrid jeqred lill-bdiewa u lir-raħħala għax ma jagħtux kontribut kbir lill-ekonomija. Skont Delia, Muscat irid li l-ekonomija tikber bil-popolazzjoni biss. Delia qal li meta Muscat jgħid li jrid li l-Maltin ikunu amministraturi qed jinsa’ li Malta tinsab fit-tieni l-agħar post fejn jidħol it-tluq kmieni mill-iskola. Skont Delia, dan mhux għax it-tfal mhumiex kapaċi imma għax il-Gvern mhux qed jinvesti biżżejjed.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kellhom l-ewwel dibattitu politiku f’din il-kampanja elettorali, waqt il-programm XTRA fuq TVM ippreżentat mill-ġurnalist Saviour Balzan. Fost is-suġġetti li ddiskutew kien hemm il-barranin f’Malta.

Il-Gvern Soċjalista nesa lill-ħaddiema – Delia

Skont Delia, il-Partit Laburista li jgħid li huwa partit soċjalista “nesa lill-ħaddiema”.

Muscat b’argumenti razzisti – Graffitti

Delia reġa’ tkellem dwar dawk il-ħaddiema li jaqilgħu inqas minn €1 fis-siegħa. Qal li minkejja li Muscat merieh, din il-figura kienet ġejja wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti. Delia qal li Grixti tkellem dwar dan quddiem Muscat stess. “Qed jigdeb. Informazzjon li għandu jgħid li m’għandux,” saħaq Delia b’referenza għal Muscat.

Delia qal ukoll li Muscat merieh meta qallu li l-pagi f’Malta kienu fost l-inqas li għolew fl-Ewropa. Żied jgħid li ftit wara, ikkwotalu l-istatistika relevanti tal-Eurostat.

‘Muscat wieħed mill-akbar propogandisti li qatt rat Malta’

Delia ddeskriva lil Muscat bħala wieħed mill-akbar propogandisti li qatt rat Malta. Qal li issa wasal iż-żmien għall-verità u li l-maskla ta’ Muscat qed titneħħa biċċa biċċa.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar is-surplus ta’ Malta. Qal li l-Prim Ministru jrid ibellagħha lin-nies li sejrin aħjar. “Il-cake qed jikber għax ġejjin aktar nies biex jonfqu aktar. Mela n-nefqa qed tikber imma l-porzjon tiegħek qed jiċkien.” Skont Delia, mill-2016 sat-tmiem tal-2018 64% l-impjegati kienu qed jaqilgħu inqas.