Filmat: Għal Muscat in-nies huma numru li jista’ jbigħ jew jixtri – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li għall-Mexxej Laburista Joseph Muscat in-nies m’huma xejn ħlief numru fuq karta li jista’ jbigħ jew jixtri.

Dan qalu waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-każin tal-PN fil-Għargħur. Delia staqsa kif partit soċjalista jista’ jkollu mexxej li jżeblah lil min jaħdem għal Malta. Delia qal ukoll li b’mod ċar u b’wiċċu minn quddiem Muscat qed jgħid li jrid jimporta l-iskjavitu. Żied jgħid li Muscat irid joħloq klassijiet differenti ta’ nies li jiġu trattati b’mod differenti.

Delia qal li Muscat qed ibati milli jaċċetta li l-Partit Laburista (PL) huwa partit soċjalista. Skont Delia, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans li qed jirċievi l-appoġġ mill-PL irid li l-Ewropa tiddetta s-sistema tat-tassazzjoni fil-pajjiżi Ewropej. Fi kliem Delia dan ifisser li Malta titlef is-sovranità tagħha fuq ir-regolamentazzjoni tal-istrutturar tal-finanzi f’Malta. Il-Kap tal-PN qal li l-PL irid li l-Ewropa tiddetta l-leġiżlazzjoni Maltija li attirat “investiment tajjeb ħafna”.

Delia qal li ma jridx żgħażagħ fil-partit imma li jrid li l-partit ikun wieħed żagħżugħ. Stieden liż-żgħażagħ biex ibiddlu lil Malta u lid-dinja. Qal li jemmen fit-talenti u l-abilitajiet tagħhom.

Delia insista li din mhix elezzjoni li fiha jirbaħ il-PN jew il-PL. Qal li din hija elezzjoni biex il-leħen taċ-ċittadini jkun aktar b’saħħtu fl-Ewropa.