Filmat: Vot lill-PL jhedded l-impjieg ta’ 25,000 – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia indirizza attività politika bit-tema Flimkien għal Pajjiżna fil-Wesgħa Kunsill tal-Ewropa fil-Fgura. F’diskorsu huwa ffoka l-iżjed fuq it-taxxa, peress li fil-manifest elettorali Soċjalist għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, hija proposta l-armonizzazzjoni tat-taxxa, u l-Partit Laburista jappoġġja lis-Soċjalisti. Skont Delia, dan ifisser theddida lil madwar 25,000 post tax-xogħol fis-settur tal-finanzi u tal-gaming.

Delia tkellem dwar Alfred Sant u l-frażi li juża: “għajn għal għajn u sinna għal sinna.” Qal li waqt programm televiżiv ilbieraħ, Sant għamel theddida billi stqarr li jaqbel mal-armonizzazzjoni tat-taxxa. Delia spjega li dan ifisser li pajjiż ma jkollux id-dritt li jiddeċiedi dwar it-taxxa tiegħu hu. Waqt diskorsu, Delia rrefera għall-fatt li l-Partit Laburista qed jappoġġja l-kandidatura tas-Soċjalist Frans Timmermans biex jilħaq President tal-Kummissjoni Ewropea.

“Il-PN ivvota favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa fl-UE” – Alfred Sant; ‘Sant giddieb’ – Casa

Il-Kap tal-PN semma r-rapporti tal-GRECO, tal-Moneyval u tal-Kummissjoni ta’ Venezja li lkoll ikkundannaw l-aġir tal-Gvern. Delia qal li l-Oppożizzjoni offriet l-għajnuna tagħha, iżda x-xhur għaddew, u l-Gvern għadu m’għamel xejn biex itejjeb is-sitwazzjoni.

“Aħna qatt ma nbiddlu l-bixra tagħna” 

Adrian Delia rrefera għad-dibattitu li kellu mal-Mexxej tal-PL Joseph Muscat il-ġimgħa li għaddiet, li fih, Delia affaċċja lill-PL dwar is-Soċjaliżmu tiegħu, tant li l-PN qed isejjaħlu Partit Soċjalista, iżda l-PL qed jiċħad li hu Soċjalist. Delia qal li l-PN qatt ma jbiddel il-bixra tiegħu, imma jżomm saqajh mal-art u jżomm il-valuri tiegħu prijorità. Vot għall-PN, qal Delia, huwa vot biex jiġu protetti l-liġijiet u l-valuri Maltin.

Delia qal li huma kburin li qegħdin fil-Parlament Popolari Ewropew taħt Manfred Weber li ġie Malta u ltaqa’ mal-ħaddiema tan-negozji ż-żgħar, u wera interess ġenwin fihom.

Filmat: “Meta l-Gvern jgħajjat bis-surplus ikun qed iweġġa’ lil min qed ibati” – Delia

Tħabbru uffiċjalment il-kandidati għall-elezzjoni tal-kunsill lokali mal-Partit Nazzjonalista għar-raba’ distrett tal-Fgura, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċija, u l-Gudja.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius sellem il-memorja ta’ omm Joe Saliba, Carmel Saliba, li tilfet ħajjitha. Huwa rringrazzja lil Joe Saliba tal-ħidma tiegħu fil-partit tul is-snin.