“Il-PM qed jafda l-fruntiera f’idejn persuni ċivili” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Robert Abela qed jafda l-fruntiera ta’ Malta f’idejn persuni ċivili. Huwa qal dan f’intervista l-Ħadd filgħaxija fejn semma l-każ tal-immigranti abbord Europa II, waħda mid-dgħajjes ta’ Captain Morgan li kienet qed iżżomm lill-immigranti fuq il-baħar.

Adrian Delia qal li skont dak li sema fl-aħbarijiet, il-PM qal li kien il-kaptan tal-vapur li ordna x’isir bl-immigranti għax is-sitwazzjoni marret għall-agħar, bl-immigranti jaħtfu skieken mil-kċina tal-vapur u jheddu lill-ekwipaġġ. Huwa temm jgħid li “Malta jixirqilha ħafna aħjar”

“Sette Guigno kienet ġlieda għad-demokrazija”

Dwar il-kommemorazzjoni tas-Sette Guigno, Adrian Delia qal li fi zmien l-għaks il-Maltin marru jipprotestaw fit-toroq tal-Belt Valletta kontra l-Gvern Ingliż. Delia qal li dawk il-Maltin mietu għad-demokrazija u qabbel din il-ġrajja mal-lum biex il-poplu jħares id-demokrazija.

Qal li ċ-ċittadini Maltin għandhom igawdu kwalità ta’ ħajja diċenti u għaldaqstant huma l-impjiegi li għandhom jiġu salvati. Spjega li l-ġlieda għad-demokrazija mhix biss tal-politiċi iżda hija tan-nies għax jistgħu jitkellmu b’mod li jkollhom ħajja aħjar.

Huwa ħeġġeġ lill-partitarji biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom biex il-messaġġ jibqa’ jasal permezz tal-ħaddiema tal-partit.

Il-Viċi Kap Robert Arrigo qal li l-maratona tal-lum qed issir wara li fl-aħħar 30 xahar il-PN kellu jħassar żewġ maratoni oħra, l-ewwel minħabba l-kriżi fil-partit imbagħad minħabba l-pandemija.

Dalgħodu waqt intervista oħra fuq l-istazzjon Net TV, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Robert Abela rriskja l-ħajjiet tal-immigranti biex jigwadanja punti politiċi.