Filmat: “Il-Gvern qiegħed hemm biex jagħmel it-tajjeb, mela jisraq biss?” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-Gvern qiegħed hemm biex jagħmel it-tajjeb iżda dan ma jiġġustifikax il-korruzzjoni. Huwa stqarr li “sfortunatament kieku ma kienx hawn il-korruzzjoni, in-nies kienu jibbenefikaw ħafna aktar”. Huwa staqsa wkoll għaliex il-Gvern mhux qed iraħħas il-kontijiet tad-dawl filwaqt li qal li dan għax għandu l-obbligu ma’ dawn in-nies.

F’intervista fuq NET TV bħala parti minn serje ta’ intervisti mill-kmamar tal-aħbarijiet Maltin, il-Kap Nazzjonalista kien intervistat mill-ġurnalista tal-ONE TV Nicole Buttigieg.

Mingħajr l-għaqda ma kienx isir it-tibdil fil-PN

Delia tkellem dwar l-għaqda fil-partit u qal li mingħajra ma seta’ jkun hemm l-ebda tibdil. Delia saħaq li dan kien proċess ġenwin li qal li fl-aħħar parti, il-Partit Nazzjonalista wasal biex jikkonferma statut ġdid fil-Kunsill Ġenerali. Huwa qal li r-riorganizzazzjoni tal-Partit saret b’mod kostruttiv u strutturat.

Mistoqsi jgħid jekk falliex fil-missjoni tiegħu li jgħaqqad b’referenza għall-episodju tas-17-il eroj, Adrian Delia qal li ma tistax tara episodju wieħed għaliex qal li hemm proċess intern ta’ oppinjonijiet vaerji li jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet.

Adrian Delia qal li l-missjoni tal-Oppożizzjoni hi li żżomm lill-Gvern responsabbli ta’ dak li jagħmel. Huwa staqsa kif Gvern li għandu tant saħħa u appoġġ li għandu membri fi ħdanu li lesti jikkorrompu s-sistema.

Ġejna f’sitwazzjoni fejn il-PM filwaqt li jgħid li huwa diżgustat, lanqas għandu s-saħħa li jneħħi d-deputat tiegħu Konrad Mizzi

Adrian Delia

Dwar l-allegazzjoni ta’ tixħim minn Yorgen Fenech lill-PN biex David Casa ma jerġax jiġi elett fil-Parlament Ewropew, Adrian Delia ċċara li l-allegazzjoni dwaru ġiet minn Karl Stagno Navarra li allega li bħala Kap tal-Partit irċieva l-flus minn Yorgen Fenech.

“Qatt f’ħajti la nxtrajt, la qatt ma influwenzani bil-flus u kont jien stess li mort għand il-Pulizija b’fatti dwar każi li kont naf bihom”

Huwa reġa’ fakkar fl-affidavit ġuramentat li għamel fil-Qorti l-Ħamis li għadda kontra dawn l-allegazzjonijiet.

Yorgen Fenech m’għandux ċedoli fil-PN

Mistoqsi dwar l-iskema ta’ ċedoli li skont il-ġurnalista hija “skema sigrieta ta’ dejn”, Adrian Delia qal li jkun illegali li jippubblika l-ismijiet tal-iskema ċedoli. Huwa stqarr li l-PN huwa rigorożament iżomm mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Fil-programm wara li l-uffiċċjali tal-PN għamlu l-verifiki tagħhom, Delia kkonferma li Yorgen Fenech ma għandu l-ebda ċedola fil-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia semma kif il-Partit Laburista għandu jispjega minn kemm-il persuna nġabru l-eluf ta’ Ewro li nġabru fil-maratona ġbir ta’ fondi. Huwa semma l-każ tad-donazzjonijiet mill-kumitat Laburista tan-Naxxar fejn żvela li għadd kbir mill-fondi li nġabru kienu ġejjin minn Michael Zammit Tabona, sid il-kumpanija Captain Morgan.

Dwar Yorgen Fenech, Adrian Delia qal li qatt ma ltaqa’ miegħu wara li ismu ssemma fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa sostna dan billi qal li ma jkun hemm xejn ħażin li wieħed jiltaqa’ pero qal li Yorgen Fenech iltaqa’ ma’ Keith Schembri fejn miegħu wettqu atti ta’ korruzzjoni.

Dwar il-grilling tal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Angelo Gafa, Delia qal li l-Oppożizzjoni ma tistax tkun qisha l-pastur tal-Gvern biex tapprova l-għażla tal-PM li qal li diġa saret. Spjega li l-PM għażel lil Angelo Gafa u l-grilling fil-Parlament mhux se jbiddel xejn. “Angelo Gafa għandu sfidi kbar quddiemu u l-poplu għandu jiġġudika skont dak li jagħmel”, stqarr Delia.