Filmat: “Il-PM irriskja l-ħajjiet għall-gwadann politiku” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Robert Abela rriskja l-ħajjiet tal-immigranti biex jigwadanja punti politiċi. Huwa qal dan waqt li ddiskuta l-każ tal-42

5 immigrant li għal dawn l-aħħar 40 jum tħallew fuq il-baħar fuq dgħajjes tal-Captain Morgan.

F’intervista fuq Net TV, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li hemm pjan għall-kriżi tal-immigrazzjoni fuq livell Ewropew u appella lill-PM biex jikkonsulta mal-Oppożizzjoni biex tkun tista’ twassal il-vuċi ta’ Malta mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej.

“L-eks Kummissarju tal-Pulizija għandu jitneħħa minn konsulent”

Dwar l-allegazzjonijiet fuq l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li ħarġu llum fil-gazzetta The Sunday Times of Malta, il-Kap tal-PN appella lill-Pulizija biex jinvestigaw lil Cutajar immedjatament u jitneħħa wkoll minn konsulent tal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.

Fir-rapport tal-gazzetta sar magħruf li meta kien għadu Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kellu laqgħat ma’ persuna viċin ħafna tal-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li dawn il-laqgħat kienu nżammu moħbija mit-tim investigattiv.

Delia qal li agħar minn hekk qed jiġi rrapurtat li Lawrence Cutajar għadda informazzjoni dwar l-investigazzjoni nkluż id-dati ta’ meta l-middleman u l-familja tiegħu kienu se jiġu arrestati mill-Pulizija.

Delia stqarr li mhux aċċettabbli li ngħixu f’soċjetà fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jipproteġi lill-korrotti.

“Il-Gvern għandu jwaqqaf it-tensjoni u l-konfużjoni”

Dwar il-budget tal-Gvern li se jiġi mħabbar għada, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li n-negozji qed jaffaċċjaw pressjonijiet enormi ta’ finanzi u l-Gvern hu fid-dmir li jipprovdi soluzzjonijiet għal dawn il-biżgħat.

Stqarr li fi żmien 48 siegħa minn meta qal li se jagħmel budget “multi-miljunarju”, il-Gvern qal li dan se jkun pakkett finanzjarju. Għaldaqstant Delia saħaq li l-Gvern għandu jwaqqaf it-tensjoni u l-konfużjoni li teiżsti fost il-komunità tan-negozju.