Filmat: “Jippruvaw jattakkawni għax jafu li se nirbaħ il-kawżi” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hemm min qed jipprova jattakka lilu bħala Kap tal-Oppożizzjoni għax qal li “jafu li se nirbħu l-kawżi” fosthom tal-isptarijiet li nbiegħu lil privat.

F’intervista fuq NET FM, Adrian Delia qal li qed jippruvaw ibeżżgħuh u jirrikattawh biex jien ma jaġixxix kontra l-korruzzjoni.

L-intervista bdiet kemmxejn tard hekk kif dalgħodu ġew żvelati dettalji ta’ messaġġi li Yorgen Fenech u Adrian Delia kellhom fuq Whatsapp. Fir-rappurtaġġ fuq Times of Malta, Adrian Delia jidher li qal lil Fenech li kellu jkun Pierre Portelli li jorganizza ikla bejniethom.

Adrian Delia semma lill-ġurnalist Jacob Borg u qal li huwa ma jgħidx minn fejn ġab l-informazzjoni. Huwa spjega li ġew ikkreati chats ta’ Whatsapp fejn saħaq li dawn saru biex jgħidu li kellu x’naqsam ma’ Yorgen Fenech, il-persuna akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li ċaħad kemm-il darba iżda qal li mhux se jċedi għal min qed jipprova jagħmel assoċjazzjonijiet li ma jeżistux.

Tul l-intervista huwa qal li kulħadd irid jiddeċiedi jekk iridx li jibqa’ jikteb fuq Facebook u Twitter jew jagħti sehmu biex ir-reputazzjoni ta’ Malta tirkupra. Huwa spjega li l-ekonomija Maltija tiddependi mill-ekonomija u għaldaqstant irid jinħoloq il-ġid permezz ta’ investiment barrani li jkun nadif.