Filmat: Iċ-ċekk tat-taxxa huwa insult – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ċ-ċekk li ngħatata lil dawk li jħallsu t-taxxa huwa insult.

Dan qalu waqt li kien qed jiġi intervistat minn Sergio Mallia fuq l-istazzjon tar-radju tal-istess partit waqt maratona ġbir ta’ fondi tal-pajjiż. Iddeskriva l-għoti ta’ ċekkijiet bħala “insult” meta wieħed jikkonsidra l-ammont ta’ nies li qed iħallsu t-taxxi. Staqsa wkoll dwar il-ħin li fih intbagħat iċ-ċekk minħabba li hemm elezzjoni riesqa.

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, Adrian Delia qal li l-partit dejjem emmen fil-kapaċità tal-ħaddiema. Delia osserva kif Malta, pajjiż żgħir, għandha nuqqas ta’ riżorsi naturali imma li għandha r-riżorsi umani. Qal li dawn il-ħaddiema kisbu ħafna kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Delia qal li Malta mhix mibnija mill-Gvern li jamministra t-territorju, imma minn investituri li jgħażlu li jinvestu flushom f’Malta, dawk li jħaddmu, u fuq kollox il-ħaddiema tal-pajjiż. Delia qal li l-PN dejjem kien partit tan-negozji, tas-self-employed, tan-negozji żgħar u medji, u tal-ħaddiema.

Delia qal li dawk in-negozji li sejrin sew twaqqfu meta kien hemm Gvern Nazzjonalista. Qal li l-Gvern kurrenti naqas milli jiddiversifika l-ekonomija u joħloq setturi ġodda. Delia qal ukoll li l-ġid li qed jiġi ġġenerat mhux qed jitqassam b’mod ugwali u mhux qed jilħaq lil kulħadd.

Il-Kap tal-PN tkellem dwar id-degradazzjoni tal-ambjent u rrefera għall-istatistiċi li juru li l-kwalità tal-arja naqset filwaqt li l-problemi respiratorji żdiedu. Qal li l-ambjent Malti qatt ma sofra daqskemm sofra fl-aħħar snin taħt amministrazzjoni Laburista.

Delia qal li l-elezzjonijiet ta’ Mejju mhumiex dwar il-PL jew il-PN imma li huma żewġ elezzjonijiet li se jeleġġu rappreżentanti għall-Parlament Ewropew u l-kunisilliera tal-kunsilli lokali. Delia spjega li s-sitt MEPs se jirrappreżentaw kemm il-partit nazzjonali kif ukoll ikunu parti minn familja politika Ewropea. Irrefera għall-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D)  li l-manifest tagħhom skont Delia għandu referenzi għal fehmiet favur l-għażla li jkun hemm l-abort. Delia qal li l-PL ivvota favur dan il-manifest.

Il-PN għandu bżonn 3 MEPs fil-PE – Delia

Delia qal li esperti ġew Malta u ħarsu lejn is-sistema tal-pajjiż, b’referenza għar-rapport tal-Kummissjoni Venezja. Qal ukoll li l-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet bħal tal-avukat ġenerali u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Qal li l-PN għandu bżonn tal-inqas tliet MEPs fil-Parlament Ewropew biex jiddefendu lil Malta fl-Ewropea. Delia qal li l-Gvern huwa favur aktar ċentralizzazzjoni u allura qed isir aktar dittatorjali.

Gvern li ma jimpurtaħx mill-bdiewa – Delia

Delia allega li l-Gvern ma jimpurtaħx mill-bdiewa Maltin peress li ma jagħtux kontribut daqstant kbir lill-ekonomija. Qal li l-Unjoni Ewropea tonfoq ħafna flus fuq l-agrikoltura li jistgħu jintużaw biex jgħinu lill-bdiewa Maltin. Delia qal li l-PN irid jgħin lill-bdiewa u l-industrija tal-agrikoltura f’Malta. Qal li mill-banda l-oħra l-politika tal-Gvern hija li jieħu art tajba u jeqridha.

Delia rrimarka li l-PL kien kontra li Malta ssir indipendenti mill-Imperu Ingliż u kontra li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. Qal li ż-żewġ avvenimenti kellhom tema simili – dik li Malta turi fiduċja fiha nnifisha.

Filmat – Facebook – Adrian Delia