Filmat: “Il-gwida tal-PN għar-rilaxx tal-miżuri hi l-Professur Gauci” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia qal li l-gwida tal-Partit Nazzjonalista dwar kif għanshom jibdew jiġu rilaxxati l-miżuri hi s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci. Huwa stqarr li jekk jirriżulta li l-Professur Gauci tgħid li m’hemmx riskji fuq is-saħħa pubblika, allura d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu fit-trankwillità. Huwa qal dan f’intervista li xxandret fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista Net TV.

Huwa qal ukoll li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Professur Charmaine Gauci qishom dejjem kienu fuq l-istess naħa iżda qal li l-Prim Ministru bħal donnu jkun fuq in-naħa l-oħra meta s-saħħa u l-ekonomija jkunu fuq id-direzzjoni opposta. Adrian Delia qal li l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista ntużaw b’mod għaqli biex ixandru materjal edukattiv u ħadmu id f’id mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Dwar l-ekonomija, Adrian Delia qal li l-PN qed jiltaqa’ mal-korpi kostitwiti u mal-unjins biex magħhom jiddiskuti l-pakketti finanzjarji biex il-Gvern jatwahom. Spjega li hija ċara li se jkun hemm perjodu tranżitorju u għaldaqstant issuġerixxa biex in-negozji jantiċipaw il-bidliet li jridu jseħħu la darba l-pandemija tispiċċa.

Immigrazzjoni: “Il-PM prova jdawwar il-fatti”

Dwar l-immigrazzjoni, il-Kap tal-PN qal li l-Prim Ministru Robert Abela prova jdawwar il-fatti. Stqarr li r-reputazzjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea ddetorjorat taħt Gvern Laburista. Qal li waħda mill-problemi tal-Gvern hija li ma jistax jasal għal ftehim mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Stqarr li dawk li m’għandhomx dritt għall-ażil għandhom jintbagħtu lura immedjatament filwaqt li dawk li għandhom dritt għall-ażil jinżammu fl-Ewropa fost id-diversi pajjiżi.

Sostna li l-PN qed jasal mal-grupp politika tal-Partit Popolari Ewropew biex imexxi l-aġenda favur Malta.

“L-atitudni fil-PN trid tinbidel”

Mistoqsi dwar il-persuni li telqu mill-PN u marru jimmilitaw fil-PL, Adrian Delia qal li xi ħaġa kiener serjament ħażina. Stqarr li l-PN jrid jammetti li minħabba n-nuqqasijiet tal-partit, kien hemm nies urtati. Qal li l-atitudni trid tinbidel iżda jrid ikun hemm l-ispazju ta’ tolleranza ħalli jkun hemm qawsalla ta’ ideat. Dwar il-personaġġi partikolari fosthom Cyrus Engerer, Jean Claude Micallef u Ian Castaldi Paris, Adrian Delia ma kkummentax dwar x’wassal biex dawn tilfu l-interess fil-Partit Nazzjonalista

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn