Filmat: Qtil Ħal Far: “Responsabbiltà politika minħabba dak li qal l-Ombudsman”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia insista li hemm bżonn tintrefa’ r-responsabbilta politika dwar il-każ taż-żewġ suldati li qed jiġu akkużati li qatlu persuna mill-Kosta tal-Ivorju u li ferew żewġ persuni oħra.

Huwa qal dan minħabba li semma’ r-rapport tal-Ombudsman li jgħid li l-ħatriet fl-armata kienu politiċi allura fisser kif hemm bżonn tintrefa’ responsabbiltà politika. Saħaq li madwar l-Ewropa kollha jittieħdu r-responsabbiltajiet poltiċi allura qal li anke f’Malta peress li hija membru tal-Unjoni Ewropea hemm bżonn li jkun hemm responsabbiltà politika.

Il-Kap Nazzjonalista kien qed jitkellem f’attività politika fil-bajja ta’ Spinola f’San Ġiljan li fiha tkellmu għadd ta’ kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ma nistgħux nibqgħu nħallu vittmi f’Malta mingħajr ma tittieħed responsabbiltà.

Irid jieqaf iż-żmien fejn il-Gvern jipprova jnessi u jixtri lil kulħadd.

Delia kompla jgħid li l-Gvern li tilef ir-ruħ soċjali issa qed itellef lill-pajjiż mill-fibra morali għaliex f’Malta inqatlet ġurnalista minħabba xogħlha u inqatlet persuna minħabba l-kulur tal-ġilda.

Fisser kif il-kumplament tas-suldati qed jirrappreżentaw lil Malta u jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw il-ħajjiet iżda l-każ tal-persuna mill-Kosta tal-Ivorju jagħmel għajb għal Malta.

“Wieħed mill-akkużati kellu każ reċediv”

Semma’ kif il-każ ta’ wieħed mill-akkużati huwa reċediv. Qal li l-Armata ħarġet bl-iskuża li s-suldat irċieva l-kundanna mill-Qorti wara li ddaħħal fl-Armata. Delia saħaq li sa issa għadu mhux magħruf dwar xhiex kienet il-kundanna. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jinsisti għal investigazzjoni sħiħa.

AQRA: Qatt ma smajt argumenti biex tintrefa’ responsabbiltà politika – PM

Appell għal Jum il-Votazzjoni

F’appell imqanqal, Adrian Delia appella lin-Nazzjonalisti biex joħorġu jivvutaw kontra l-korruzzjoni u kontra min iżeblah isem Malta.

Il-Gvern ħataf il-poter mingħand il-Kunsilli

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern ħataf il-poter tad-deċiżjoni għaliex il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ma kellux poter biex iwettaq xogħlijiet fit-toroq.

Semma’ l-każ fejn il-Kunsill ħejja l-pjanijiet għal junction f’San Ġiljan iżda l-Gvern taħt il-Ministeru tal-Infrastruttura ta’ Ian Borg ħataf il-pjanijiet tal-Kunsill u mexxa għal rasu.

Dwar il-billboard il-ġdid tal-Partit Laburista bir-ritratt ta’ Joseph Muscat u bil-kliem “Erġgħu kunu miegħi”, Delia appella lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista biex flok ikunu miegħu, ikunu man-nies.