Filmat: “Ekonomija dipendenti mit-turiżmu u s-servizzi finanzjarji li qed isofru” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-ekonomija ta’ Malta mistennija li tieħu skoss qawwi minħabba l-pandemija u l-aktar industriji li se jbatu huma dik tat-turiżmu u tas-servizzi finanzjarji u l-gaming.

F’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-PN Mario De Marco, Adrian Delia qal kif l-aħħar statistika tal-NSO uriet li hemm eluf li spiċċaw bla xogħol fl-aħħar xahar.

Stqarr li kull pajjiż għandu r-realtà tiegħu u qal li ta’ Malta huwa kuntest globali minħabba li bejn wieħed ieħor 25% tal-Prodott Gross Domestiku li jiddependu mit-turiżmu. Huwa qal li settur ieħor importanti huwa dak tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming.

Qal li hemm riskju ċar li Malta titqiegħed fuq il-lista s-sewda. Dan filwaqt li fisser li dan ikun ċertifikat mill-agħar għax jindika lill-investituri barranin biex ma jersqux lejn Malta. Huwa wissa’ li dan ifisser li l-ekonomija se tieħu daqqa ta’ 6% u jekk jiġri dan ma jkunx hawn postijiet tax-xogħol ġodda.

“Qisna qiegħdin ir-Russja” – Delia

Adrian Delia qal li f’Malta qisna qiegħdin ir-Russja. Fisser li l-konsulent il-ġdid tal-Prim Ministru Robert Abela huwa l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li tiegħu Abela kien konsulent legali.

Qal li l-Oppożizzjoni lesta tgħin u għalhekk qed tipproponi rakkomandazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tal-pajjiż.

Delia qal li ma saret ebda investigazzjoni kontra l-eks Ministru Konrad Mizzi li qal li bħalissa jinsab maħrub minn Malta u mhux jattendi l-Parlament.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn