“Il-Ministri billew idejhom fil-fondi pubbliċi” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Ministri billew idejhom fil-fondi pubbliċi meta użawhom għar-reklamar fuq Facebook ill-paġni personali tagħhom. Huwa qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista dwar id-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards li qal li mhux se jippermetti l-użu ta’ riżorsi pubbliċi biex jipproduċu materjal għall-paġni personali tagħhom fil-midja soċjali.

Adrian Delia qal li hija sintomatika għall-Partit Laburista li jieħu l-assi tal-pajjiż jew iċ-ċittadini għal skopijiet tagħhom jew Ministri individwali. Delia saħaq li dan sar f’perjodu fejn l-ekonomija mhix sejra tajjeb.

Delia rrefera għall-istima li ġiet ippubblikata li tgħid li dan l-abbuż ilaħħaq il-miljun Ewro f’fondi pubbliċi li ġew utilizzati mill-paġni personali tal-Ministri tal-Gvern. Hawnhekk huwa reġa’ fakkar fl-appell tal-PN biex il-Ministri jroddu lura dak li serqu.

Delia qal li hemm ukoll il-kundanna mill-Ministru Owen Bonnici fejn fi stqarrija li għamel dwar din l-aħbar, huwa qal li mhux ġust il-mod kif ħadmu Ministri oħra fejn biex imbuttaw l-aġenda personali tagħhom użaw fondi pubbliċi.

Dwar il-Ministru Silvio Schembri, il-Kap tal-PN qal li l-Ministru ma jagħmilx distinzjoni bejn dak li huwa tal-Gvern u dak li huwa tal-Partit Laburista. Huwa qal li l-Ministru Schembri uża arroganza fil-konfront tal-ġurnalisti billi ħass li ħadd m’għandu jinvestigah.

Saħaq li l-Ministri tal-Gvern għandhom jindunaw li r-riżorsi tal-Gvern għandhom jintużaw għall-ġid taċ-ċittadini kollha u mhux għall-benefiċċju tal-Ministri individwali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn