Filmat: “Il-Gvern għandu jħallas nofs il-pagi tal-ħaddiema” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tkellem dwar id-diversi proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista li qal li wħud il-Gvern sema’ u wħud minnhom le. Hu sostna li l-Gvern għandu jara li jgħin lin-negozji billi jħallas 50% tal-pagi tal-ħaddiema.

Hu qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li saret illum waranofsinhar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Delia sostna li l-Gvern ma jistax jibqa’ jkun reattiv imma proattiv.

Delia qal li l-Gvern għandu għarfien fqir fuq l-istat soċjo-ekonomiku tal-pajjiż. Insista li jekk il-Gvern irid jissalvagwardja l-impjiegi, irid jifhem li min iħaddem irid jingħata l-inċentiva u l-għajnuna li għandu bżonn billi l-Gvern jerfa’ u jaqsam il-piż tagħhom. Delia qal li ma jaħsibx li huwa l-każ li “nippuntaw lejn xulxin” u l-Gvern jgħid lil min iħaddem biex jerfa’ l-piż hu.

Delia qal li hemm bżonn li l-Gvern jiddikjara li l-leave għall-kwarantina tingħata titħallas mill-Gvern biex il-ħaddiem ma jbatix hu u ma tiġix mgħobbija fuq in-negozji. Għandu jkun il-Gvern li jerfa’ din il-parti, sostna Delia.

Delia sostna li l-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tas-salarji. Qal li wieħed irid jifhem li jekk jitkeċċew in-nies, il-Gvern xorta jrid jagħti r-relief. Qal allura minflok li jitkeċċew il-ħaddiema u xorta l-Gvern jidħol fi spejjeż tar-relief, jaħseb minn qabel biex dan ma jseħħx.

Delia qal li issa li l-banek ġew fuq saqajhom u għandhom il-likwidità, din tintuża sabiex jiġu posposti l-ħlasijiet fuq il-faċilitajiet eżistenti, inkluż loans. Qal li jrid jinħoloq ukoll pakkett ta’ self ġdid għal min jeħtieġu. Semma li r-riżorsi tal-Gvern jistgħu jintużaw f’forma ta’ garanziji.

Hu kompla jgħid li l-Oppożizzjoni lesta li tmur il-parlament u tgħaddi l-liġijiet ta’ emerġenza li hemm bżonn. Delia appella għal darboħra li l-Gvern jaċċetta l-għajnuna tal-Oppożizzjoni. Qal li bħalissa hawn emerġenza nazzjonali u li issa jridu jaħdmu flimkien. Insista li din mhix kompetizzjoni.

Qal li fil-Parlament illejla, se jiġi diskuss għall-ewwel darba fuq insistenza tal-Oppożizzjoni fil-Parlament. Qal li dan mhux biex jattakka lill-Gvern iżda biex jaħdmu flimkien fuq qafas ta’ regolamenti li jista’ jsalva l-impjiegi u jgħin lin-negozji “bl-inqas dannu possibbli”.

Min-naħa tiegħu l-MP Mario DeMarco qal li l-lukandi għandhom 0 revenue bħalissa u r-ristoranti u bars minn għada se jkollhom 0 revenue. Qal li aktar kemm il-Gvern se jdum ma jaffaċċja r-realtà ta’ dawn in-negozji, iktar se jaffaċċja problemi aktar tard. DeMarco qal li l-Gvern għandu jagħmel fond ta’ €200 miljun sabiex jgħin lill-kumpaniji jħallsu l-pagi. Kull kumpanija li tagħmel użu minn dan il-fond, għandha tassigura li l-ebda impjegat ma jitlef xogħolu.

Intant, l-MP tal-PN Claudio Grech, qal jekk negozju m’għandux dħul, dak ifisser li ma jistgħux jibqgħu jinżammu l-impjegati. Qal li l-miżura ewlenija tibqa’ dik tal-employment aid, jiġifieri li l-Gvern jidħol u jħallas nofs il-pagi tal-ħaddiema.

Min-naħa tagħha, Kristy Debono, talbet biex tieqaf struttura bejn il-Gvern u s-settur bankarju biex jgħin persuni li għandhom self mill-banek u mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu magħhom.

Il-bdiewa jridu risposta – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-bdiewa qegħdin jistennew risposta, peress li hemm raħħala li għandhom annimali fl-irziezet li jridu jkunu żgurati li jistgħu jibqgħu jaħdmu u jsibu minn fejn jixtru l-mediċini għall-annimali jew tjur tagħhom. Jeħtiegu li jkollhom aċċess ukoll minn fejn jixtru spareparts għal makkinarju li jekk jieqaf jaħdem jista’ jfisser mewt għall-annimali jew tjur.

L-istqarrija tgħid li, “Bħalissa mhux żmien li fih tista’ tieqaf il-ħidma tal-bdiewa u raħħala tagħna. Bħalissa anzi huwa żmien li fih il-PN jemmen li l-Gvern għandu jgħin u jara li l-bdiewa u raħħala jibqgħu jaħdmu biex l-aċċess għall-prodott frisk għall-poplu tagħna jkun garantit.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn