Filmat: “Id-destin tal-PN f’idejn it-tesserati” – Delia

Sarah Cassar Dymond
Messagg mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia

Messagg mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia

Posted by Partit Nazzjonalista on Saturday, August 1, 2020

Wara li tilef il-maġġoranza fil-Grupp Parlamentari, tal-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali, il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li d-destin tal-PN qiegħed f’idejn it-tesserati. Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mar-riżultat li għadu kemm ħareġ ftit tal-ħin ilu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia iddikjara li se jkun wieħed mill-kandidati tal-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-aħħar ħin tħabbar kif il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ddeċidew li għandha tissejjaħ elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. 659 kunsillier ivvutaw li l-PN għandu jirrikorri għal konferma tal-kap. Intant 839 Kunsillier għażlu li l-Partit Nazzjonalista għandu jmur għal Elezzjoni tal-Kap. 11-il vot kien invalidu.

Hu sostna li minkejja li kien hemm min oppona bil-qawwa, id-deċiżjoni finali kellha titħalla f’idejn it-tesserati. Qal li jirbaħ min jirbaħ din it-tiġrija, irid li l-partit juri li se jkunu qed jirbħu n-nies. Spjega li tliet snin ilu eleġewh għal kap tal-PN.

Hu qal li jekk it-tesserati jagħżlu li jeleġu kap ieħor minfloku, se jkun qed jara li jaħdem mal-Kap il-ġdid tal-partit għax hu jemmen fid-demokrazija. Hu qal li jekk it-tesserati jeleġu lilu, mela se jkun qed ikompli jaħdem biex ikompli fuq dak li wiegħed.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Delia insista li hu jemmen li huma t-tesserati biss li jiddeċiedu min għandu jmexxi l-partit. Qal li jkun qed jonqos li jekk hu ma jirrispettax id-deċiżjoni tat-tesserati. Qal li jkun qed jonqos jekk ineħħi s-saħħa tagħhom.

Dwar x’jiġri jekk jitlef l-elezzjoni tal-Kap, Delia qal li t-tweġiba hija ovvja, li hu ma jibqax imexxi l-partit iżda jibqalu l-irwol ta’ Membru Parlamentari u b’hekk se jkompli jaħdem kif għandu jaħdem MP fil-Parlament.

Dwar il-kwistjoni tat-tliet voti, Delia qal li kien hemm min fil-partit li ħaseb li l-Grupp Parlamentari jista’ jeleġi Kap, imma qal li mbagħad urewhom li ma jistgħux jagħmlu dan. Reġa’ insista li l-għażla dejjem tibqa’ f’idejn it-tesserati.

Dwar kif jista’ jaħdem meta l-ogħla istituzzjonijiet tal-partit huma kontrih, Delia qal li l-Kunsilliera ngħataw għażla dwar x’mistoqsija jridu li ssir lit-tesserati. Qal li dak li ddeċidew il-Kunsilliera llum ma kienx vot ta’ sfiduċja fih. Delia qal li spiċċa ż-żmien li l-PN ikun il-partit li jagħżel ma’ min se jiġġieled. Insista li fil-passat, il-PN għandu ġenerazzjoni sħiħa ta’ politiċi li ntilfu.