Filmat: Bżonn bonus fil-pensjoni biex il-Gvern itaffi l-ispejjeż tal-anzjani – PN

Aġġornat 02:27 PM

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob sabiex il-Gvern jagħti bonus fil-pensjonijiet tal-anzjani sabiex dawn ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż żejda li qed toħloqilhom l-imxija tal-coronavirus fil-pajjiż.

David Agius, il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista wassal il-kondoljanzi tal-partit lill-qraba tal-persuni li sfaw tilfu ħajjithom minħabba l-coronavirus. Hu rringrazzja wkoll lill-awtoritajiet tas-saħħa f’dan iż-żmien. Il-Partit Nazzjonalista kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-imxija tal-COVID-19 f’Malta mxandra LIVE mid-Dar Ċentrali.

Agius qal li hu kien laqgħa l-proposta tal-Gvern li persuni li għandhom aktar minn 65 sena u persuni b’mard kroniku jibqgħu d-dar. Qal li jafu li l-probabbiltà ta’ mwiet ta’ dan il-persuni hija ikbar minn ta’ oħrajn. Qal li m’hemmx dubju li l-PN se jaqbel ma’ kull deċiżjoni li tittieħed biex issalva l-ħajjiet.

Qal li l-PN jemmen bis-sħiħ fil-ħiliet tal-awtoritajiet tas-saħħa u bħala partit qed jappella ta’ kuljum biex kulħadd jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet. Qal li l-PN iżda, għandu l-irwol li jwassal ir-rakkomandazzjonijiet tagħha u tagħmel skrutinju dwar dak li għaddej. Qal li hija ħasra li l-Gvern Laburista mhux qed ikun miftuħ biżżejjed għall-proposti tal-PN.

Agius semma li qed issir konsultazzjoni ma’ persuni u familji li spiċċaw bla impjieg u sors ta’ dħul. Qal li ħafna tħallew ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum. Qal li hawnhekk qed jitrattaw mal-ħajja fi kriżi. Reġa’ semma l-appell tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern inaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50%. “Ieqaf israq lill-familji fil-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma,” qal Agius lill-Gvern.

Dwar l-anzjani u l-pensjonanti, Agius qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tara li dawn jirċievu l-mediċini u l-bżonnijiet essenjzali fid-djar. Qal li l-anzjani u l-pensjonanti m’għandhomx ibagħtu minħabba mediċini tal-Gvern kienu out-of-stock. Qal li l-Gvern irid jintervjeni biex jara li din is-sitwazzjoni tissolva. Qal li ċertu anzjani m’għandhomx ikollhom iħallsu prezzijiet għoljin għal oġġetti bażiċi sanitarji. L-Oppożizzjoni qalet li għandha ssir diskussjoni ta’ bonus għall-anzjani biex jerfa’ parti mill-piż finanzjarju li dawn qed iġarrbu minħabba l-kriżi preżenti.

Agius qal li l-Gvern irid jassigura li dawk li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli jkollhom ilbies protettiv adegwat u proporzjonat skont il-kuntatt li dawn ikollhom mal-anzjani u l-pazjenti.

Il-Membru Parlamentari tal-PN Maria Deguara qalet li 67,000 persuna għandhom aktar minn 65 sena. Ħafna minn dawn diġa jbatu minn mard kroniku. Qalet li persuni li jkollhom xi komorbidita waħda għandhom ċans ta’ 79% li jkollhom bżonn kura intensiva jekk jinstabu pożittivi għall-virus.

Min-naħa tiegħu, il-MP Ivan Bartolo qal li persuni influwenti fil-kamp tal-NGOs huma mħassba b’tali mod li qed jiżdiedu ħafna aktar il-persuni vulnerabbli. Qal li l-Gvern għandu jipprovi l-għodda neċessarja lill-NGOs. Qal li s-servizzi tal-NGOs ħadu daqqa ta’ ħarta, u d-dħul tagħhom waqaf għal kollox.

“Il-Gvern ilu jgħolli l-pensjonijiet sena wara sena” – Il-Gvern

F’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali sostna li l-proposti li għamel il-PN juru m’għandux ideat. Sostna li filwaqt li l-PN qed jipproponi bonus lill-pensjonanti, il-Gvern preżenti ilu għal ħames snin konsekuttivi jgħolli l-pensjonijiet.

Il-Ministeru qal li kieku ma kienx għall-għaqal tal-gvern preżenti fl-aħħar seba’ snin, illum il-pajjiż ma kienx jaffordja l-għajnuna li qed jingħataw eluf ta’ nies.

Semma kif il-PN qed jipproponi li l-anzjani għandhom jirċievu l-mediċini d-dar meta l-gvern ilu xahar li nieda servizz biex jgħin anzjani li m’għandhomx għajnuna sabiex jitwaslulhom il-mediċini u xirjiet ta’ oġġetti essenzjali d-dar.

Il-Ministeru semma wkoll li l-Gvern Laburista ilu li raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-2014. Sostna li l-PN fil-Gvern kien ivvota kontra t-traħħis.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn