Filmat: L- għaqdiet sportivi tħallew fil-limbu – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-għaqdiet sportivi tħallew fil-limbu dwar x’se jiġri fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-PN qal li fl-aħħar ġimgħat l-isport f’Malta “prattikament waqaf kollu.”

Il-MP tal-PN Robert Cutajar qal li l-inkwiet ta’ dawn l-għaqdiet sportivi jvarja bejn għax id-dħul tagħhom waqaf kompletament kif ukoll għax ma ngħatawx direzzjoni dwar id-diversi possibiltajiet li qed ikunu kkunsidrati f’każ li eventwalment ikun indikat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li jistgħu jerġgħu jibdew jiġu pprattikati xi dixxiplini sportivi.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li fost affarijiet oħra:

  • Il-Gvern jgħin finanzjarjament lill-għaqdiet mingħajr diskriminazzjoni
  • Il-Gvern irid jitkellem mal-għaqdiet/assocjazzjonijiet sportivi kollha, jifhem l-impatt li l-pandemija se tħalli fuqhom u jgħin b’mod immedjat
  • L-awtoritajiet għandhom jisimgħu direttament mingħandhom il-problemi li qed jaffaċċjaw f’laqgħat li jistgħu jservu wkoll bħala gwida għal x’tip ta’ protokolli, skont id-dixxiplina sportiva, għandhom jintużaw ġaladarba l-isport f’Malta jerġa’ jibda ġej lura għan-normal

Il-MP Mario Galea qal li diversi esperti qed ibassru li l-pandemija se żżid il-problemi ta’ saħħa mentali, fosthom żieda fl-ansjetà, l-istress, dipressjoni u suwiċidju.

“Staff mediku li qedghin fuq quddiem jiġġieldu l-pandemija min-naħa l-oħra se jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali fosthom Post Traumatic Stress Disorder. Diversi esperti qed isostnu li dawn il-fontliners bħal tobba u infermieri se jkollhom l-istess effetti mentali bħalma jkollhom suldati li jirritornaw mill-gwerra,” qal Galea.

Min-naħa tiegħu l-MP Karl Gouder qal li li l-kunsilli lokali għandhom ikunu l-pont bejn organizzazzjonijiet li jagħtu servizzi lil persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali.

Ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia enfasizza fuq l-importanza li l-Gvern jagħti direzzjoni, jaqsam l-informazzjoni, jispjega t-tħejjija tiegħu u jkun verament trasparenti biex kulħadd ikun jista’ jippjana għal dak li ġej. Għal dan il-għan, l-Oppożizzjoni ħarġet bi pjan għal Malta sabiex tirkupra mill-kriżi ekonomika li ġab il-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn