Filmat: Bdejna ndaħħlu n-normalità – Abela

Read in English.

Il-PM Robert Abela qal li l-gvern tiegħu beda jdaħħal in-normalità lura f’Malta.

Abela qal dan fir-Rabat Għawdex fl-ewwel żjara tiegħu fuq il-gżira wara li rebaħ l-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista.

Skont Abela kien hemm deċiżjonijiet iebsin li riedu jittieħdu u li sa mill-ewwel sigħat ta’ ħidma beda jdaħħal lura n-normalità. Qal li dan seta’ jinħass b’mod tanġibbli.

Tkellem dwar l-elezzjoni li saret u fil-fehma tiegħu l-PL ingħaqqad mill-ewwel wara li ħareġ ir-riżultat.

“Mhux biss ingħaqqadna imma ħriġna aktar b’saħħitna. Dak mertu tagħkom,” qal Abela.

Abela qal li ftit ilu l-Għawdxin talbuh biex ma jinsiex il-gżira tagħhom u li llum mar Għawdex biex iżomm kelmtu. “Tafu kemm inħobb lil Għawdex,” qal Abela li saħaq li l-gżira tinsab fuq quddiem nett tal-ħsibijiet tiegħu.

“Kemm jien kburi bikom,” qal lil dawk miġbura waqt li spjega li t-tkabbar ekonomiku ta’ Għawdex qabeż dak ta’ Malta. Jemmen li hemm bżonn aktar investiment barrani fil-gżira. Skont Abela, il-Gvern se jkun qed iħalli lin-negozji jaħdmu.

Il-Ġimgħa filgħaxija Abela ħabbar li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmsis fit-tieni distrett. Dan jinkludi l-Kottonera, Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, u l-Fgura. It-tieni distrett huwa magħruf bħala fortizza Laburista.

L-eks PM Joseph Muscat kien ikkontesta l-elezzjonijiet tal-2013 u tal-2017 fit-tieni distrett ukoll.

Waqt li kien qiegħed Għawdex, Robert Abela, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, kellu laqgħa ta’ korteżija mal-Gozo Business Chamber.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-PM qal li l-President tal-Gozo Business Chamber John Borg laqa’ b’entużjażmu l-bidla li bdiet tinħass bil-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela. Qal li l-għan tal-Gozo Business Chamber, kif dejjem għamlet bħala kamra, hu li trid tkompli tippromwovi l-involviment ta’ negozji Għawdxin f’Għawdex stess biex tkompli tiġi preservata l-identità Għawdxija. Żied li l-ħidma tal-gvern u tal-Ministeru għal Għawdex, fir-rigward ta’ konnettività tul l-aħħar sena, kienet tajba ħafna, filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tar-raba’ vapur. Qal li l-pass li jmiss hu dak tal-fast ferry kif ukoll tal-link bl-ajru bejn il-gżejjer.

Filmati: Beppe Galea