Filmat: Nemmen li Deputat Mexxej irid ikun iffukat fuq l-irwol – Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela sostna li l-persuna li jinħatar bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit għandha tkun iffukata fuq l-irwol.

Dan qalu waqt li kien qed ikun intervistat waqt il-maratona ġbir ta’ fondi għall-partit fuq l-istazzjoni tal-Partit Laburista stess.

Abela tkellem dwar il-proċess li hemm għaddej biex fil-ġimgħa li ġejja tibda l-ħidma biex jinstab Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ġdid. Qal li l-proċess huwa wieħed importanti ferm, għax din il-kariga għandha żewġ irwoli importanti: l-implementazzjoni tal-manifest elettorali u l-funzjoni ta’ skrutinju fuq il-ħidma tal-gvern.

Abela qal li għada se jmorru Marsaxlokk fejn se jkunu qed joħorġu, jiltaqgħu man-nies u mhux jistennew li n-nies imorru għandhom. Qal ukoll li se jiskattaw bidla fl-istatut. Qal li se jkun hemm dibattitu jekk Membri Parlamentari għandhomx jitħallew jikkontestaw għal dan l-irwol. Hu sostna li jrid deputat mexxej li jkun kompletament iffukat fuq il-ħidma tal-partit.

Abela sostna li l-impjiegi huma importanti u sostna li l-partit huwa sinonimu mal-ħolqien tax-xogħol. Qal li minħabba l-pandemija l-opportunità tax-xogħol naqset. Madanakollu, qal li bil-pakkett li nedew, huma riedu jaraw li jsalvaw kemm jista’ jkun impjiegi. Insista li salvaw 100,000 impjieg.

Dwar il-familja ta’ Abela u l-mod kif din hija familja mrobbija fil-politika, Abela wieġeb għall-mistoqsija ta’ xi jkollu jgħid jekk bintu tkun tixtieq tidħol għall-politika. Abela tkellem dwar l-importanza li l-politikant jgħati l-għajnuna lis-setturi kollha tal-ħajja. Qal li bintu jkollha tifhem li din hija kariga ta’ sagrifiċċju u impenn. Insista li hija kariga mhux biss ta’ ftit ħin imma ta’ 24 siegħa, sebgħat ijiem fil-ġimgħa.

Għall-intervista ta’ Abela, kien hemm preżenti wkoll martu Lydia u bintu Georgia. Hemm ukoll il-President Emeritu George Abela li huwa missier il-Prim Ministru.

Hu tkellem dwar l-importanza li jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Qal li fl-aħħar tliet xhur, kienet diffiċli ħafna għalih li jagħmel dan, iżda pprova jżomm f’moħħu din il-perspettiva.

Irrimarka li fil-Kummissjoni Ewropea qed jgħidu li diversi pajjiżi Ewropej qed iħarsu lejn Malta bħala eżempju ta’ kif għandhom joħorġu mill-pandemija. Insista li f’każijiet bħal dawn wieħed irid ikun determinat, iffukat u joqgħod attent. Qal li fl-aħħar mill-aħħar, in-nies jimmotivawk biex timxi ‘l quddiem.

Dwar l-impenji internazzjonali li se jerġgħu jibdew jitfaċċaw u l-bilanċ ta’ dan ma’ żmien li għandu jqatta’ mal-familja, Abela qal li issa hemm ħafna impenji li ġejjin. Qal li f’Lulju se jkun hemm bżonn laqgħa fiżika mal-Kummissjoni Ewropea biex jingħalaq il-pakkett finanzjarju Ewropew. Qal li kollha qed jaqblu li r-rapidità li biha jgħaqlu hija kruċjali. Insista li Lulju se jkun wieħed impenjattiv.