Filmat: L-Arċisqof jappella għall-vokazzjonijiet Saċerdotali u taż-Żwieġ

Knisja.mt/ritratti

L-Arċisiqof Charles Scicluna appella biex isir talb għall-vokazzjonijiet Saċerdotali u taż-Żwieġ fejn sostna li dawn il-vokazzjonijiet jibnu lis-soċjetà.

Fil-quddiesa li fiha ġew ordnati ħames djakni ġodda, l-Arċisqof Scicluna fisser kif “m’għadux l-istaġun li nitolbu għal sagrament wieħed” li huwa dak tal-Ordni Sagri iżda appella għal talb biex ikun hawn aktar żgħażagħ li jagħżlu s-Sagrament taż-Żwieġ Nisrani għaliex dan jibni l-komunità. Fl-istess ħin, l-Arċisqof stqarr li minn dan is-Sagrament il-familji Nsara ħadu l-fidi tagħhom. Appella wkoll lill-Kongregazzjoni biex titlob ħalli “l-Knisja tkompli tinbena f’dar li tagħti Glorja lill-Alla”.

“Mhu faċli li tgħix fil-vokazzjoni”

Fl-Omelija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof sostna li mhux faċli li wieħed jgħix f’ħajja f’dawn il-vokazzjonijiet iżda qal li dawn iġibu l-ferħ tal-Ispirtu s-Santu.

Filwaqt li qal li m’hemm xejn ġdid minn dak li għaddew minnhom l-ewwel appostli, l-Arċisqof semma l-Atti tal-Appostli fejn qal li anki d-dixxipli ta’ Ġesú għaddew minn ġlied, tfixkil u persekuzzjoni, iżda qal li San Luqa jirrakkonta kif imbagħad “id-dixxipli intlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu”.

Wiegħed il-ferħ ta’ min qed jaqdi u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tnissel fid-Djakni l-ispirtu qaddis tal-qadi.

Appell lid-djakni l-ġodda

Il-ħames seminaristi li ġew ordnati djakni mill‑Arċisqof huma:

Osmar Baldacchino mill‑Parroċċa ta’ San Nikola, is‑Siġġiewi, David Borg mill‑Parroċċa tal‑Madonna tal‑Grazzja, Ħaż‑Żabbar, Christopher Bugeja mill‑Parroċċa ta’ San Pawl, ir‑Rabat, Jonathan Debattista mill‑Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien, Tony Pace mill‑Parroċċa tal‑Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi.

L-Arċisqof talab għad-djakni l-ġodda filwaqt li qalilhom li l-ewwel ħaġa li għandhom jagħmlu hija li jaqdu lill-poplu ta’ Alla. Qal li l-Knisja qed tistidinhom biex ma jibżgħux iħallu kollox u jaqdu,

Fisser li permezz tal-qadi huma jridu jkunu kapaċi jisimgħu bħalma Alla l-Missier qal lill-Ibnu Ġesú fuq il-Muntanja Tabor: “Dan hu Ibni l-għażiż isimgħu lilu”.

L-Arċisqof fakkar f’kemm-il darba l-ommijiet qalulna biex nisimgħu minnhom u appellalhom biex jiftħu qalbhom għal kulħadd u fuq kollox għall-imħabba tal-Mulej li kif qal l-Arċisqof huwa “ħerqan li jagħrafkom bħala l-qaddejja tiegħu”,

Appella lid-djakni l-ġodda biex jibqgħu mal-Mulej u ma jippruvawx jaħarbu lejn it-tentazzjonijiet kollha tad-dinja.

“Tippretendux li tafu kollox”

F’appell ieħor lid-djakni, l-Arċisqof Scicluna qalilhom biex ma jippretendux li jafu kollox. B’ton ċajtier fakkarhom jagħmlu dan għaliex jistgħu jiġu f’ċirkostanzi li anki meta jkellimhom hu bħala Arċisqof lanqas jagħtuh ċans jitkellem.

Wissihom ukoll biex qatt ma jużaw it-tagħlim tal-Knisja bħala ġebel biex igarawh lil min hu dgħajjef. L-Arċisqof fakkarhom li llum il-Knisja qed tgħallimhom li jekk ma jkunux qaddejja ma jistgħux ikunu Evanġelisti.

Huwa temm l-Omelija tiegħu bil-kliem “Tkellem imma kun leali”.