Filmat: 124 każ ġdid tal-COVID-19

Grupp ta' anzjani marru ikla u tombla; 8 pożittivi għall-Covid-19; 70 kwarantina

Read in English.

Posted by saħħa on Wednesday, December 30, 2020

Xi spikka mill-konferenza ta’ Prof. Gauci?

  • Grupp ta’ anzjani marru ikla u tombla; 8 pożittivi għall-Covid-19; 70 kwarantina
  • Tliet każi tal-varjant tal-coronavirus fosthom Maltija ta’ 75 sena
  • Il-każini u l-bars se jibqgħu magħluqin sal-1 ta’ Frar
  • 87 każ attiv f’Għawdex
  • Evitaw ikliet!

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrati 124 każ ġdid tal-coronavirus, filwaqt li fiequ 138 persuna.

Il-każijiet il-ġodda rriżultaw mill-3,043 swab test li saru. B’hekk bħalissa hawn 1,392 każijiet attivi tal-Covid-19 li 87 minnhom huma f’Għawdex.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Erbgħa waranofsinhar, Prof. Gauci qalet li s’issa nstabu 3 każi f’Malta tal-varjant il-ġdid tal-Coronavirus. Aktar kmieni llum, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi tweet li ħareġ ftit sigħat wara li Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li l-varjant tal-Covid-19 li kien oriġinarjament instab fl-Ingilterra u nfirex għal diversi pajjiżi, issa jinstab anke f’Malta.

Jirriżulta li t-tielet każ rreġistrat tal-varjant il-ġdid tal-coronavirus kienet anzjana ta’ 75 sena u l-awtoritajiet bħalissa għaddejjin bl-investigatzzjonijiet biex jaraw minn fejn il-mara ħadet dan il-varjat tal-virus.

Prof. Charmaine Gauci ħabbret wkoll li persuna oħra mietet kawża tal-coronavirus. B’hekk issa t-total ta’ vittmi tal-Covid-19 hu ta’ 216-il persuna. Hi qalet li s’issa l-maġġoranza tal-vittmi huma rġiel.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Prof. Gauci appellat mill-ġdid lill-pubbliku sabiex kulħadd josserva l-miżuri ta’ mitigazzjoni u sabiex f’dan iż-żminjiet jiġu evitati ikliet. Hawn hi semmit kif grupp ta’ anzjani attendew għal ikla u tombla u li kawża t’hekk ħafnaspiċċaw fi kwarantina u 8 minnhom rriżultaw pożittivi għall-COVID-19.

Il-Każini u l-Bars se jibqgħu magħluqin

Prof. Gauci ħabbret li llum il-gvern mistenni joħroġ l-estensjoni tal-avviż legali li jgħid li l-bars u każini se jkollhom jibqgħu magħluqin sa 1 ta’ Jannar. Din id-data issa se tkun estiża għall-1 ta’ Frar.

Il-proċess tat-tilqim

L-ewwel priorità huma l-ħaddiema tas-saħħa, inklużi dawk jaħdmu fil-privat, residenti u ħaddiema fi djar tal-anzjani u faċilitajiet tas-saħħa mentali, kif ukoll anzjani li għandhom aktar minn 85 sena.

Wara dawn jitlaqqmu pulizija, suldati, uffiċjali tas-CPD u anzjani li għandhom aktar minn 80 sena.

Wara ikun imiss l-istadju fejn għalliema u ħaddiema oħra fi skejjel u ċentri taċ-childcare, persuni b’mard kroniku u anzjani li għandhom aktar minn 70 sena, jirċievu l-vaċċin.

Mill-ġdid Prof. Gauci spjegat kif l-aħħar kategorija li se tiġi mogħtija priorità hi persuni li għandhom aktar minn 55 sena u warajhom, it-tilqima se tiġi offruta lil kulħadd.  

Prof. Gauci spejgat li dawk il-persuni li normalment ikollhom xi allerġija wara li jirċievu vaċċin importanti li jkellmu lit-tabib tagħhom qabel ma jieħdu l-vaċċin kontra l-COVID-19. Qalet wkoll li għalissa nisa li qed jistennew tarbija u tfal ta’ 16-il sena u iżgħar m’għndhomx jieħdu l-vaċċin kontra l-COVID-19 għaliex s’issa għad m’hemmx biżejjed studji dwar l-effetti fuq dawn il-kategoriji ta’ persuni.

Min jitlaqqam ma jistax jieqaf josserva l-prekawzjonijiet u l-miżuri li ddaħħlu biex titrażżan l-imxija tal-Covid-19. Dan għaliex il-vaċċin ma jagħtix l-immunità mal-ewwel, u peress li ma jaħdimx fuq kulħadd, ikun hemm il-bżonn li jitlaqqmu ħafna nies biex il-mikrobu ma jibqax jiċċirkola, qalet Prof. Gauci.

Aktar kmieni dan ix-xahar il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne assigura lill-pubbliku li s’issa jidher li l-vaċċin huwa effettiv kontra kull tip ta’ varjant tal-Covid-19.