Read in English.
Għal perjodu limitat biss, Little Peeps Pop Up Town se tirritorna Malta. Maħsuba biex tispira t-tfal ħalli jitgħallmu permezz tal-logħob, din il-verżjoni realistika ta’ belt fuq skala żgħira kellha suċċess enormi f’Malta f’Ottubru li għadda.
Din hi t-tieni darba li se tkun disponibbli lokalment din il-belt fil-minjatura li tiffoka fuq il-ġibda universali tat-tfal lejn ir-role-play biex jesploraw il-ħajja fid-dinja ta’ madwarhom.
“Bliet fuq skala żgħira ddisinjati għal-logħob immersiv tat-tfal huma popolari madwar id-dinja kollha u f’Malta xejn inqas, kif rajna bis-suċċess ta’ Little Peeps Pop Up Town meta ntlaqgħet hawn għall-ewwel darba f’Ottubru li għadda,” qalet Chiara George, il-kreatriċi ta’ Little Peeps Pop Up Town, “Waqt il-vaganzi ta’ mid-term fi Frar li ġej it-tfal Maltin se jkollhom ċans ieħor biex jitgħallmu permezz tal-logħob f’Little Peeps, u ‘l quddiem se jkun hemm aktar opportunitajiet, għax qed nittamaw li fil-futur din il-belt nibdew inġibuha hawn darbtejn jew tliet darbiet fis-sena.”

B’kabini tal-logħob iddisinjati biex jixbhu l-verżjonijiet ta’ daqs normali li jużaw il-kbar ta’ kuljum, Little Peeps Pop Up Town se jkun fiha supermarket ġdid ikbar minn ta’ qabel, klinika tal-annimali, ċentru tas-saħħa, għassa tal-pulizija, kafeterija u ristorant, teatru, sit ta’ kostruzzjoni, żona għall-picnics u ring road, kif ukoll kamra msejħa ‘Little Learners’ mgħammra b’ġugarelli edukattivi u multisensorjali ta’ kwalità, li se tkompli tkabbar l-immaġinazzjoni taċ-ċkejknin.
Little Peeps Pop Up Town ideali għal tfal bejn l-etajiet ta’ 18-il xahar u seba’ snin, filwaqt li tfal iżgħar ikunu jistgħu jilagħbu f’soft play area żgħira oħra li se jkun hemm. It-tfal kollha li jattendu Little Peeps iridu jkunu akkumpanjati minn adult. Waqt li t-tfal ikunu qed jilagħbu, il-kbar se jkunu jistgħu jieklu xi ħaġa f’kafeterija żgħira li se tintrama apposta maġenb il-belt.
Little Peeps Pop Up Town se tkun miftuħa fis-Sala Parrokkjali tal-Knisja ta’ Kristu Rxoxt, Pembroke, għal disat ijiem biss mill-21 ta’ Frar sad-29 ta’ Frar 2020. Se jkun hemm ħames sessjonijiet ta’ logħob ta’ 90 minuta kuljum, b’numru limitat ta’ postijiet li jridu jiġu bbukkjati minn qabel, mid-9 am sal-10.30 am, mill-11 am san-12.30 pm, mis-1pm sas-2.30 pm, mit-3 pm sal-4.30 pm u mill-5 pm sas-6.30 pm.
Il-biljetti kollha għal Little Peeps Pop Up Town iridu jinxtraw minn qabel fuq www.showshappening.com.
Dan il-kontenut mwassal minn Little Peeps Pop Up Town