Lisa Maria Zahra waqgħet għoli ta’ 32 metru

Lisa Maria Zahra waqgħet minn għoli ta’ 32 metru u Erin Tanti nstab 42 metru ’l bogħod minnha.
Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompla l-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tal-għalliem tad-drama, akkużat bil-qtil ta’ Lisa Maria Zahra u li għenha twettaq suwiċidju f’Marzu li għadda mill-irdum ta’ Ħad-Dingli.
Għall-ewwel darba fil-Qorti ġie ppreżentat mudell tri-dimensjonali li nħadem mill-kriminologu Saviour Formosa, ibbażat minn studju li għamel fuq il-post u minn kalkoli matematiċi.
Fil-Qorti xehdu wkoll żewġ żgħażagħ li kienu huma li taw l-allarm wara li raw lil xi ħadd mindud fuq blata, jgħajjat għall-għajnuna.
Il-każ ikompli fid-19 ta’ Diċembru.