“Lisa Maria nqatlet mill-persuna li kellha tieħu ħsiebha”

Facebook

Il-familja ta’ Lisa Maria Zahra, it-tfajla ta’ 15-il sena li nstabet bla ħajja taħt l-irdum ta’ Ħad-Dingli f’Marzu tal-2014, qalet li Lisa nqatlet mill-istess persuna li kellu d-dover li jieħu ħsiebha.

Il-familja tat-tfajla tat kummenti lill-midja quddiem il-bini tal-Qorti, ftit wara li Erin Tanti ammetta l-akkużi ta’ qtil, u nagħta sentenza ta’ 20 sena u sitt xhur ħabs. Tanti ammetta minflok għadda ġuri.

Mewt Lisa Maria: Erin Tanti jwieġeb ħati; 20 sena ħabs

F’isem il-familja, Winston J. Zahra, il-kuġin ta’ Lisa Maria, iddeskriva l-aħħar ħames snin u tliet xhur bħala “diffiċli ħafna għall-familja kollha”. Żied jgħid li finalment Erin Tanti wieġeb ħati li qatilha. Fakkar li Tanti kien għalliem ta’ Lisa, u hi kienet studenta tiegħu. “Hu kien adult, hi kienet tifla ta’ 15-il sena. Hu impossibbli li tifhem xi jwassal biex xi ħadd jagħmel dawn l-atroċitajiet”, kompla jgħid.

Aqra x’qalu x-xhieda

Zahra irrimarka li minbarra t-trawma, il-proċess legali ħa fit-tul u għamilha aktar diffiċli għalihom peress li ma setgħux jiddiskutu l-każ. Saħaq li mill-evidenza kollha li raw, dejjem kienu jafu li dan kien każ ta’ qtil. Qal li kieku ma kienx għal Erin Tanti, Lisa Maria llum għadha ħajja.

Kemm quddiem il-bini tal-Qorti, kif ukoll fuq Facebook, il-kuġin ta’ Lisa Maria stqarr li issa li Tanti jinsab f’ċella għal żmien twil, huma jistgħu jagħlqu l-kapitlu u jkomplu jiffukaw fuq ix-xogħol li qed isir mill-Fondazzjoni Lisa Maria. Din il-Fondazzjoni kienet twaqqfet wara l-mewt ta’ Lisa bil-għan li toffri sigurtà u protezzjoni lit-tfal, fost l-oħrajn billi jsiru spezzjonijiet fuq dawk li jiġu impjegati biex jaħdmu mat-tfal. Winston J. Zahra sostna li b’dan il-mod iżommu l-memorja tagħha ħajja filwaqt li jaħdmu biex dak li ġralha Lisa ma jiġrix lil tfal oħra.

Aqra: “Darba sibt lil Lisa Maria bid-demm ħiereġ minn idha”

Huwa temm billi rringrazzja lil kulħadd għall-appoġġ f’dan il-perjodu, fosthom lit-tim legali, lill-Pulizija, lit-tim tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-ħbieb kollha li appoġġjawhom.  Għalaq il-messaġġ tiegħu bil-kliem “Strieħ fis-sliema Lisa Maria xx”.