Lis-saċerdoti: “Iktbu l-paġni bojod tal-Vanġelu bl-opri tal-ħniena”

Il-Papa Franġisku fakkar lis-saċerdoti, seminaristi u persuni kkonsagrati, li l-Vanġelu hu ktieb ħaj tal-ħniena ta’ Alla, li fadallu ħafna paġni bojod fl-aħħar u li d-dixxipli ta’ Kristu huma msejħa jiktbu fih bl-istess stil, jiġifieri bl-opri ta’ ħniena li jagħmlu.
Il-Papa għamel dan l-appell waqt l-omelija f’quddiesa mas-saċerdoti tal-Polonja, fis-Santwarju San Ġwanni Pawlu t-Tieni, li għaliha attendew mal-2,000 persuna. 
Staqsihom kif inhuma l-paġni tal-kotba tagħhom, jekk jiktbux fihom kuljum jew jekk humiex vojta. Ħeġġiġhom biex jisimgħu s-sejħa ta’ Alla fl-appell f’saħħtu ta’ San Ġwanni Pawlu t-II biex jiftħu l-bibien.
Franġisku qal li “jalla Omm Alla taqlgħalna l-grazzja li nkunu kittieba ħajjin tal-Vanġelu u nikkuraw b’mod konkret il-ġrieħi ta’ Ġesù f’ħutna fil-bżonn, fil-morda u fl-immigranti.”
Spjega kif fil-ħajja tagħhom, jistgħud sikwit jiltaqgħu ma' tentazzjonijiet biex jibqgħu magħluqa, minħabba biża’ jew kumdità.
Lis-saċerdoti u lid-dixxipli l-oħra, il-Papa fakkarhom kif Ġesù jibgħathom fi triq b’direzzjoni waħda, dik li joħorġu minnhom infushom. “Vjaġġ bla biljett ta’ ritorn,” kompla jgħid Franġisku.
Sostna li min jagħżel li jsawwar ħajtu kollha fuq il-ħajja ta’ Ġesù, ma jagħżilx aktar il-postijiet tiegħu, imma jmur fejn ikun mibgħut u dejjem iwieġeb lil min isejjaħlu, fil-ħin li jkun hemm bżonn.  Filwaqt li enfasizza, li l-għan tad-dixxipli ta’ Kristu hu li jqiegħdu lill-Mulej f’nofs ħajjithom, saħaq dwar l-importanza li ma jfittxu xejn għalihom infushom u li jaħarbu s-sodisfazzjon li jkunu fiċ-ċentru.
Qabel il-Quddiesa, quddiem is-Santwarju tal-Ħniena Divina, il-Papa Franġisku sellem lil dawk miġbura u appellalhom biex ma jitbiegħdux minn Ġesù. Saħaq li anke jekk wieħed jaħseb li hu l-agħar persuna fid-dinja, minħabba dnubietu u n-nuqqasijiet tiegħu, Ġesù hekk jippreferih għax hekk jista’ jsawwab il-ħniena tiegħu fuqu.