Liquigas tikkonkludi li ċ-ċilindru sploda minħabba s-sħana tal-fireplace

Read in English.

Liquigas ħabbret li wettqet l-investigazzjoni tagħha dwar ċilindru tal-gass li sploda f’Ħ’Attard ix-xahar li għadda, u sabet li sploda minħabba sħana eċċessiva li ġiet mill-exhaust tal-fireplace. Dan ikkawża ħsara fiċ-ċilindru.

L-inċident ġara fid-9 ta’ Jannar ġo residenza fi Triq Żnuber.

Il-vittma ta’ dan l-inċident kitbet fuq Facebook li ċ-ċilindru tal-gass xtrawh it-Tlieta u kkonfermawlhom li hu tajjeb l-Erbgħa. Imbagħad sploda l-Ħamis. Ħadd ma weġġa’ fl-inċident.

Fi stqarrija, Liquigas spjegat li l-inkjesta maġisterjali għadha għaddejja, iżda mill-investigazzjoni tagħha hija waslet għal dawn il-konklużjonijiet.

Spjegat li, “Iċ-ċilindri huma ddisinjati skont standards internazzjonali u jistgħu joperaw bla periklu f’kundizzjonijiet ambjentali lokali, inkluż f’dawk il-kundizzjonijiet ta’ sħana ta’ matul is-sajf. Min-naħa l-oħra, jekk iċ-ċilindri jkunu soġġetti għal sħana eċċessiva li tkun ġejja minn sors estern, u f’każ bħal dan jinqabżu l-parametri tad-disinn taċ-ċilindru, dan jista’ jwassal għal ħsarat.”

Għaldaqstant, Liquigas fakkret lill-klijenti biex jikkunsidraw sew fejn iqiegħdu ċ-ċilindri, mimlijin jew vojta, ħalli dawn ikunu ’l bogħod minn kwalunkwe sors tas-sħana u skont ir-regoli tas-sigurtà.