Liquigas taqbel li traħħas il-prezz

Liquigas-Green-Cylinders

Read in English.

Il-kumpanija Liquigas qalet li qablet mal-awtoritajiet tal-Gvern li traħħas il-prezz taċ-ċilindru tal-gass iż-żgħir ta’ 12-il kilo se jiġi jiswa €15 flok €16.

Dan tħabbar mill-kumpanija li fi stqarrija qalet li ltaqgħet mal-Ministru għall-Enerġija u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS). Intqal li din il-laqgħa kienet waħda kordjali u li l-partijiet fehmu l-pożizzjoni ta’ Liquigas li hi l-fornitur ewlieni tal-gass f’Malta.

Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għal Liquigas qal li l-prezzijiet taċ-ċilindri l-oħra raħsu wkoll. Dan ifisser li ċilidri ta’ 15 kilo saru jiswew €18.75 flok €20 filwaqt li ċilindri ta’ 25 kilo saru jiswew €31.25 flok €33.30.

Ilbieraħ il-Ministeru għall-Enerġija ħabbar li mil-lum, il-prezz taċ-ċilindri tal-gass se jkun qed jorħos bil-kumpanija Liquigas tgħid li ma ġietx ikkonsultata dwar dan ir-roħs.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn