Liquigas se tnaqqas id-depożitu fuq iċ-ċilindri għal €10

Minn nhar it-Tlieta, Liquigas Malta se tnaqqas id-depożitu rifondibbli fuq ċilindri li jinġarru meta jkun rikjest servizz ġdid minn €25 għal €10. Id-depożitu ta’ €10 għal kull ċilindru hu l-ħlas minimu li jista’ jkun mitlub skont r-regoli tas-suq ta’ LPG.
Fi stqarrija, Liquigas qalet li l-klijenti li jixtiequ jirritornaw ċilindru se jingħataw il-flus lura skont il-valur indikat fuq l-irċevuta uffiċjali anki f’każ li dan inħareġ b’ammont differenti.
Intqal li d-distributuri huma obbligati li jagħtu l-irċevuta uffiċjali tad-depożitu ta’ Liquigas fejn ikun indikat l-ammont tad-depożitu mħallas mill-klijent, bil-konsegwenza li l-konsumatur se jingħata lura l-ammont ta’ €5 jekk jirritorna ċ-ċilindru mingħajr irċevuta.
Liquigas se tkun qed tinċentiva l-użu ta’ LPG fiċ-ċilindri b’mod partikolari għal apparat bħalma huma heaters tal-ilma li jaħdmu bil-gass.
Kien enfasizzat li l-konsumatur mgħandux jaċċetta l-ebda irċevuta oħra, jekk mhux dik uffiċjali ta’ Liquigas.