Lionel Ritchie llum jagħlaq 70 sena

Ritratt: Eva Rinaldi

Illum il-Ħamis 20 ta’ Ġunju hija ġurnata speċjali għal Lionel Ritchie għax infatti qiegħed jiċċelebra s-70 sena tiegħu.

Il-kantant li kiseb tant suċċessi b’siltiet bħal Hello, Truly u Endless Love, qatta’  aktar minn 50 sena fil-mużika, l-ewwel flimkien ma’ The Commodores li kienu wasslu suċċessi bħal Easy u Three Times A Lady.

Fis-Snin 80 hu beda karriera bħala solista, ħareġ għaxar albums rikordjati fi studjo u rebaħ erba’ Grammy Awards.

L-età ma taqtgħalux qalbu lil Lionel Ritchie u fil-fatt matul dan ix-xahar sa’ Awwissu  qiegħed jagħti madwar 30 kunċert bl-isem ta’ Hello Tour, madwar l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ingilterra.

F’Settembru mbagħad, Lionel Ritchie mistenni li jmur f’Ġerusalem fl-Iżrael, fejn hemmhekk mistenni li jagħti xi kunċerti li d-dati għalihom mistennija jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.

Iżda qabel dan, fit-23 ta’ Awwissu, Lionel Ritchie se jkun qed iniedi album ġdid bl-isem ta’ Live From Las Vegas.