Lionel Messi jirbaħ il-Ballun tad-Deheb għall-ħames darba

Il-plejer internazzjonali Arġentin ta' Barċellona, Lionel Messi rebaħ il-Ballun tad-Deheb għal darb'oħra.
Din id-darba huwa għeleb l-isfida ta' sieħbu l-attakkant Brażiljan Neymar u tar-rivali etern tiegħu, il-Portugiż Cristiano Ronaldo.
B'hekk għal Messi dan huwa l-ħames Ballun tad-Deheb mirbuħ minnu fil-karriera.
Messi ġab 41.33% tal-voti bi Cristiano Ronaldo jiklassifika t-tieni b'27.76% tal-voti. Neymar ġab 7.86%.
Messi u Ronaldo bejniethom rebħu l-aħħar tmien edizzjonijiet tal-Ballun tad-Deheb.
Fost l-istatistika li wasslet lil Messi biex jirbaħ din is-sena hemm il-fatt li skorja 52 gowl f'61 partita, għandu medja ta' gowl 101 minuta u skorja fis-sitt kompetizzjonijiet differenti li Barċellona kienu qed jikkompetu fihom.
Minn dawn is-sitt kompetizzjonijiet, Barċellona tul l-2015 rebħu ħamsa minnhom: il-UEFA Champions League, il-Liga Spanjola, it-Tazza tar-Re, il-UEFA Super Cup u t-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs.