Lino Farrugia Sacco jagħlaq sninu…jevita t-tneħħija minn Imħallef

L-Imħallef Lino Farrugia Sacco minn għada se jirtira bl-età hekk kif se jagħlaq 65 sena.  Dan ifisser li evita l-mozzjoni ta’ tneħħija minn fuq il-bank tal-ġudikatura kif ukoll li se jkun qed jieħu l-pensjoni kollha ta’ Imħallef Emeritu.
Qabel ma aġġorna għall-vaganzi tas-sajf, il-Parlament baqa’ sal-aħħar ma ddiskutiex il-każ tal-Imħallef.  Dan minkejja li l-Gvern kien qal li se jiddiskuti l-mozzjoni kontra Farrugia Sacco qabel il-waqfa tas-sajf.
Il-Ġimgħa 25 ta’ Lulju, waqt l-aħħar laqgħa tal-Parlament, l-Oppożizzjoni talbet biex il-Kamra tad-Deputati tiddiskuti l-mozzjoni qabel il-vaganzi.
F’Diċembru tal-2012, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ressaq mozzjoni ta’ tneħħija wara li kemm Farrugia Sacco kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Joe Cassar kienu qed jiġu investigati b’rabta ma’ bejgħ ta’ biljetti Olimpiċi. 
Fi żmien l-investigazzjoni Farrugia Sacco kien il-President tal-Kumitat u kien intalab diversi drabi biex jirriżenja minn President minħabba dan imur kontra l-kodiċi tal-etika tal-ġudikatura.
F’Jannar ta’ din is-sena, il-Prim Ministru Joseph Muscat ressaq mozzjoni ġdida ta’ tneħħija wara li l-Ispeaker tal-Kamra ddeċieda li l-mozzjoni ta’ Lawrence Gonzi mhix valida minħabba li ma baqgħax membru parlamentari.
Il-każ ta’ Lino Farrugia Sacco spiċċa investigat ukoll mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u waslet għall-konklużjoni li għalkemm l-Imħallef ma rriżultax li kien involut fil-bejgħ ta’ biljetti, xorta kiser il-Kodiċi tal-Etika billi baqa’ jokkupa l-kariga tal-Kumitat Olimpiku Malti minkejja l-pressjoni biex jirriżenja fl-2007.
L-Imħallef Farrugia Sacco kien ukoll fetaħ kawża kontra l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Iżda f’Ġunju li għadda, il-Qorti Ċivili ddeċidiet li ma kinux miksura d-drittijiet tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco dwar smigħ xieraq biex jitneħħa minn Imħallef. Din id-deċiżjoni tal-Qorti, kellha twassal biex il-każ ta’ tneħħija ta’ Farrugia Sacco minn Imħallef ikun jista’ jiġi diskuss fil-Parlament.