Linji tal-ajru se jkunu mħeġġa jtiru dirett minn Malta lejn iċ-Ċina

Linji tal-ajru li jġorru l-passiġġieri u l-merkanzija se jkunu mħeġġa jibdew jagħmlu titjiriet diretti minn Malta lejn iċ-Ċina u lura.  Mistenni wkoll isir investiment fil-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani fiż-żewġ pajjiżi.
Dan wara li llum, Malta u ċ-Ċina ffirmaw ftehim għall-ħames snin li ġejjin li se jwassal biex il-ħidma konġunta taż-żewġ pajjiżi titla’ fuq livell ieħor.
Din hi l-ewwel darba li ċ-Ċina ffirmat ftehim ta’ dan it-tip ma’ pajjiż Ewropew.  Il-ftehim qed jissejjaħ Medium-Term Cooperation Plan.
L-iffirmar sar illum waranofsinhar f’Beijing, mill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Viċi Prim Ministru Ċiniż u Ministru għall-Affarijiet Barranin Zhang Yesui
L-ewwel laqgħa dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim se ssir f’Novembru ta’ din is-sena.
Il-Prim Ministru Malti qal li dan il-ftehim hu importanti għaliex Malta se tibbenefika mill-investiment u l-kapaċitajiet tekniċi u tal-immaniġġjar taċ-Ċiniżi.
F’dawn il-ħames snin, Malta u ċ-Ċina se jkunu qed jagħfsu fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji, it-turiżmu, proġetti tal-enerġija relatati mal-enerġija rinnovabbli u anke dawk  infrastrutturali bħal breakwaters u pontijiet.
Mil-lat kulturali, se jkun hemm skambju ta’ wirjiet u anke se jiġu tradotti u ppubblikati l-klassiċi letterarji Maltin u Ċiniżi.

Reazzjoni PN:

F'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li hu favur kull inizjattiva raġonevoli li tista’ twassal biex jiġi attirat aktar investiment barrani lejn pajjiżna. 
Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim ġdid iħalli l-frott mixtieq fl-interess tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Sostna li sfortunatament dan ma ġarax bi ftehim simili tal-Gvern Malti mal-Libja dwar prezzijiet preferenzjali għax-xiri tal-gass u ż-żejt.

Il-Partit Nazzjonalista jittama li jkun hemm l-okkażjoni sabiex ikun hemm diskussjoni miftuħa u transparenti dwar l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu favur it-tkattir ta’ investiment barrani miċ-Ċina u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.