Linji gwidi “aktar ċari” dwar il-bini skedat

MECP

Read in English.

L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat linji gwida “aktar ċari” dwar kif wieħed jidentifika, jinterpreta, u jitratta l-kuntest ta’ bini skedat.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ippjanar qal li dawn il-linji gwida se jfittxu li jassiguraw l-kuntest ta’ siti li għandhom valur patrimonjali.

Il-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar li se tingħata aktar attenzjoni meta jsir l-assessjar u jiġu determinati proposti għall-iżvilupp li jinsabu viċin ta’ bini skedat jew monumenti.

Il-Ministeru qal li meta jsir assessjar mid-Direttorat għall-Ippjanar fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp li jinsabu viċin ta’ bini skedat jew monumenti, id-Direttorat għandu jara waqt l-istadju ta’ screening li l-iżvilupp mhux qed isir fil-viċinanza ta’ bini skedat, jagħmel assessjar dettaljat fuq l-impatt tal-iżvilupp propost fuq il-bini protett u jidentifika miżuri ta’ mitigazzjoni li jistgħu jittieħdu. Dan il-proċess ta’ assessjar irid jiġi sustanzjat b’rakkomandazzjonijiet mis-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali (SCH).

Malli l-kuntest jiġi stabbilit fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-SCH, l-applikant jintalab jipprovdi inventarju fotografiku dettaljat flimkien ma’ ‘character appraisal’ lid-Direttorat tal-Ippjanar.

Biex isir assessjar aktar dettaljat tal-implikazzjonijiet viżwali u ta’ impatti potenzjali oħrajn fuq il-binja skedata, photomontages minn punti strateġiċi ser jiġu mitluba ukoll.

L-SCH għandha d-dritt li titlob li d-drawings provduti jkunu jinkludu ukoll streetscapes li juru dettall sħiħ ta’ bini li jinsab fil-viċinanza u ta’ street levels eżistenti. Dawn l-istreetscape elevations għandhom jinkludu ukoll side streets meta dawn is-siti għall-iżvilupp ikunu jinsabu f’kantuniera.

Il-Ministeru qal li d-diżinn arkitettoniku propost għandu jirrispetta ukoll il-kuntest tal-madwar u li jitwaħħad mal-bini tal-madwar. L-HPU ser tevalwa dawn il-każi qabel jiġi determinat li s-sottomissjoni tissodisfa il-kriterji relevanti sabiex issir evalwazzjoni adegwata meta din tiproċessa kwalunkwe informazzjoni li titqies neċessarja.

Ic-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba qal, “Kull bini skedat għandu jittieħed fil-kuntest partikolari tiegħu.” Spjega li l-ambjent tal-madwar huwa parti essenzjali tal-binja nnifisha u kif din tiġi esperjenzata.