Linji-gwida ġodda mill-KE għall-bejgħ ta’ żejt taż-żebbuġa, laħam u prodotti agrikoli

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet linji-gwida biex tgħin bdiewa u raħħala jingħaqdu fi gruppi u jibqgħu jirrispettaw regoli Ewropej. Dan b’mod speċifiku għall-bejgħ taż-żejt taż-żebbuġa, laħam taċ-ċanga u tal-vitella, u prodotti oħra tal-uċuh tar-raba’.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li dan is-settur hu stmat li jfisser €80 biljun kull sena.
L-iskop, skont il-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, hu li l-bdiewa u r-raħħala Ewropej jibqgħu kompetittivi u jgawdu minn prezzijiet aħjar peress li jingħaqdu flimkien.
Il-linji-gwida jikkumplimentaw il-Politika Komuni dwar l-Agrikoltura, li kienet ġiet aġġornata sentejn ilu.
Ir-regoli normali tal-kompetizzjoni jipprojbixxu lil dak li jkun li jiffissa prezz, fis-sens ta’ cartel, sakemm ma jgħaddix benefiċċji lill-konsumatur.
Issa, bdiewa u raħħala jistgħu jissettjaw prezzijiet għax-xiri u l-bejgħ, il-volumi u termini oħra jekk jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, fosthom żieda fl-effiċjenza u limiti għall-volumi mibjugħa b’dan il-mod.