Linji gwida f’każ li l-iskejjel ma jiftħux

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ppubblika linji gwida għall-għalliema ta’ kull livell f’każ li l-iskejjel ma jiftħux f’Settembru minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Ippubblika wkoll reviżjoni tas-sillabi għal diversi xenarji.

L-għalliema u l-Learning Support Educators (LSEs) irċivew email illum bl-aħbar illi l-Ministeru ppubblika linji gwida għalihom u sillabi riveduti bi tliet xenarji: jekk l-iskejjel jiftħu normali f’Settembru, jekk l-iskejjel jiftħu għal xi studenti biss u jekk l-iskejjel ma jiftħux u t-tagħlim isir online.

Il-linji gwida huma mqassmin fuq kull livell edukattiv: kindergarten, edukazzjoni primarja u dik sekondarja. Fil-każ tal-edukazzjoni primarja u sekondarja, hemm linji gwida u sillabi riveduti għal kull suġġett li jiġi mgħallem.

B’mod ġenerali, il-linji gwida jistruzzjonaw lill-għalliema biex jemendaw it-tagħlim skont kif jaraw xieraq billi l-istudenti tilfu n-normalità fis-sena skolastika li għaddiet meta l-iskejjel ingħalqu f’Marzu li għadda minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Il-linji gwida għall-kindergarten assistants

Il-ġimgħa li għaddiet, fil-Parlament, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li hu kommess li fit-28 ta’ Settembru tkun l-ewwel ġurnata normali tal-iskola. Madankollu, f’din l-aħħar ġimgħa, il-każijiet tal-coronavirus f’Malta żdiedu drastikament billi issa telgħu għal 199 każ attiv. Din il-qabża fil-każijiet donnha spuntat minn xi attivitajiet tal-massa, ewlenin fosthom party li sar f’lukanda f’San Ġiljan u l-festa ta’ Santa Venera. F’dawn l-aħħar jiem tfaċċa wkoll grupp ta’ każijiet li oriġina minn Paceville.

Għaldaqstant, jidher li l-Ministeru mhuwiex jeskludi li l-iskejjel ma jinfetħux f’Settembru li ġej u t-tagħlim jibqa’ jsir online, inkella li l-iskejjel jiftħu bi gruppi ta’ studenti li jalternaw, jiġifieri li f’xi ġranet ikun imiss grupp u fi ġranet oħra jmiss grupp ieħor.

Tista’ taċċessa dawn id-dokumenti minn hawn.