​Linji gwida bil-miktub dwar l-użu tat-TV fl-isptarijiet

Il-Bord li investiga l-allegat inċident f’waħda mis-swali tal-Isptar Monte Karmeli minħabba li t-televiżjoni kien fuq stazzjon politiku, qed jirrakkomanda li jiġu stabbiliti linji gwida ċari u bil-miktub dwar l-użu tat-TV fis-swali.
Dan b’mod partikolari fejn jidħlu programmi ta’ natura politika li jistgħu joħolqu diżgwid bejn il-pazjenti, kif ukoll bejn il-pazjenti u l-impjegati.
Barra minn hekk il-bord qed jirrakkomanda li l-impjegati kollha jingħataw taħriġ fuq bażi regolari, biex ikun iktar sensittiv għall-ħtiġijiet partikolari tal-pazjenti.
Matul l-investigazzjoni, ġew intervistati 18-il persuna fosthom l-allegat vittma, l-istaff inkarigat mis-sala fejn kien qed jirċievi l-kura l-vittma, persuni li ġew mitluba jintervjenu wara l-inċident, social worker, it-tobba u l-maniġment tal-isptar.
Ir-rapport finali tal-Bord, li kien magħmul minn uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Anzjani, ġie mgħoddi lill-Ministru u s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa.