Filmat: Lina Brockdorff tirbaħ il-Midalja tad-Deheb

Il-kittieba Lina Brockdorff rebħet il-Midalja tad-Deheb mogħtija mill-Akkademja tal-Malti.

Iċ-ċerimonja Ġieħ l-Akkademja tal-Malti saret ilbieraħ fil-Palazz ta’ Sant’Anton u kienet indirizzata mill-President George Vella, li mill-ġdid semma l-impenn tal-presidenza tiegħu favur l-użu tajjeb tal-ilsien Malti.

Waqt li kien qed jindirizza ċ-ċerimonja annwali, il-President qal li, “Ma’ kull tixlifa mhux f’postha, ma’ kull marka jew tebgħa mhux mixtieqa, inkunu qegħdin inħassru l-għelm per eċċellenza ta’ dak li jagħmilna Maltin – ilsien pajjiżna.”

Huwa feraħ lir-rebbieħa ta’ din is-sena, l-awtriċi Lina Brockdorff, u faħħarha talli tat ħajjitha għal-lingwa Maltija, mhux biss bil-kitba iżda wkoll b’ħidmietha fix-xandir u bħala President tal-Għaqda Letterarja Maltija. Iddeskrivieha bħala eżempju sabiħ ta’ anzjanità attiva, anke billi ħarġet tliet kotba ġodda riċentament.

Il-President feraħ ukoll lill-Akkademja tal-Malti talli kull sena tirrikonoxxi l-kontribut ta’ individwi li, bil-pinna tagħhom u spiss ukoll b’għemilhom, ikunu għarfu jseddqu l-letteratura Maltija u l-għarfien tal-Malti.

“Pajjiżna jeħtieġ li jagħmel użu minn kull talent li għandu għax dan hu l-veru riżors tal-pajjiż li jrid, issa ħafna aktar minn qatt qabel, jixpruna, inebbaħ u jdawwal it-triq lejn għarfien ġdid ta’ min aħna, ta’ dak kollu li jgħaqqadna flimkien u ta’ dak li jrid iżommna biex fil-futur inkomplu nħarsu l-identità tagħna,” qal il-President.

Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pandemija tal-Covid-19, il-midalja rċevieha Chris Mercieca, in-neputi ta’ Lina Brockdorff.

Lina Brockdorff ħadet sehem fix-xandir billi kitbet u pproduċiet numru kbir ta’ programmi fuq ir-Rediffusion bejn is-snin ħamsin u s-sebgħin. Fost dawn il-programmi kien hemm “Ħlieqa Bejnietna,” programm ta’ parlour games; programmi għan-nisa bħal “Quddiem il-Mera,” “Nofs Siegħa Flimkien” u “Kwarta Flimkien”, “Magic in the Kitchen” u reċti qosra umoristiċi. Kienet l-ewwel kittieba li bdiet taddatta għar-radju xeni drammatizzati minn “Wenzu u Rożi” mill-ktieb ta’ George Zammit. Kellha wkoll serje ta’ programmi jisimha “Inwieġbu lis-semmiegħa.”

Kitbet numru ta’ radjudrammi fosthom “Il-Fqajjar t’Assisi,” radjudramm f’erba’ episodji li xxandar kemm fuq l-RTK (1990), kif ukoll fuq il-PBS (1999). Uħud mir-rumanzi tagħha nqraw ukoll fuq radjijiet f’Malta u fl-Awstralja.

Għal bosta snin kitbet u pproduċiet il-programm letterarju tal-Għaqda Letterarja Maltija  bl-isem “Mill-Ġnejna Maltija”.

Kienet il-President tal-istess Għaqda Letterarja Maltija għal tmien snin, hija wkoll membru tal-Akkademja tal-Malti u tal-Għaqda Poeti Maltin. Lina Brockdorff kienet membru tal-kunsill tal-Akkademja tal-Malti 2004 – 2005.

Brockdorff kitbet aktar minn 340 novella u 12-il rumanz. Uħud mill-kotba tagħha huma Sireni u Serenati, Kien Kwinta l-Qamar u Il-Bieb Numru 11 u stejjer oħra.

Victor Fenech ir-rebbieħ is-sena li għaddiet
Midalja tad-Deheb għall-eks editur ta’ Is-Sagħtar
L-ewwel darba li ngħata Ġieħ l-Akkademja tal-Malti
Oliver Friggieri ppremjat