Limitu ta’ ħaddiema barranin jew Malta aktar ta’ kwalità – Peter Agius

Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista (PN) għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Peter Agius qal li hemm żewġ soluzzjonijiet għall-problemi fis-suq tax-xogħol minħabba l-influss ta’ ħaddiema barranin.  Qal li jew għandu jiġi limitat l-influss ta’ ħaddiema barra mill-Unjoni Ewropea f’oqsma fejn qed ikun hemm impatt jew inkella Malta għandha titgħallem tikkompeti aħjar fil-kwalità.

Waqt konferenza tal-UĦM Voice of the Workers għall-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, Agius qal li s’issa l-Maltin mhux qed jikkompetu biżżejjed fejn tidħol il-kwalità. Agius qal li l-abbundanza tax-xogħol f’Malta qed ipoġġi pressjoni fuq is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin fuq numru ta’ ħaddiema f’diversi setturi. Qal li l-Gvern għandu jwettaq studju biex jidentifika s-setturi li huma f’riskju li jsofru mill-effetti tal-influss ta’ ħaddiema barranin.

Pagi baxxi u ħajja għolja – PN

Fi stqarrija, il-PN qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan u jżid iċ-cheap labour qed jitfa’ lill-ħaddiema Maltin f’morsa doppja. Il-membri tal-PN Karl Gouder u Michael Mercieca qalu li fuq naħa l-ħaddiema għandhom għafsa ‘l isfel fuq il-pagi u min-naħa l-oħra qed jaffaċċjaw għoli tal-ħajja li dejjem tiżdied. Qalu li l-ħaddiema qed jikkompetu mal-pagi baxxi minflok jiksbu pagi aħjar u għoljin.

Karl Gouder ikkwota statistiċi li juri li l-ħaddiema f’Malta raw l-inqas żieda fil-pagi fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Qal li l-istatistika tikkonferma wkoll li l-pagi f’Malta huma inqas mill-medja tal-UE. Michael Mercieca qal li f’Malta hawn fost l-akbar rata fl-Ewropa ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi.