Lill-Ewwel Kardinal Għawdxi

Mons. Isqof Mario Grech

Niftakrek fuq bank l-iskola
Student bieżel u ħawtiel
U minn kif kont iġġib ruħek
Mill-ewwel int tajtna ħjiel.

Dmirijietek int kont taqdi
Sa ma bdejt titfarfar sewwa
Tbissima tilgħab fuq fommok
Ma kontx taf x’inhuma għedewwa!

Spiċċajt dħalt is-Seminarju
Biex tistudja għal saċerdot
Fuq il-passi tal-Imgħallem
Ħajtek fassalt b’dan il-mod.

Wara ħallejt ix-xtut tagħna
U spiċċajt fil-Belt Eterna
Sabiex tkompli hemm titħarreġ
Tiftaħ moħħok, tiddixxerna!

Lura f’Għawdex ġewwa l-Kurja
Ħdimt, ħabrikt dlonk bla waqfien
Kappillan f’raħal tfulitek
Magħżul ġejt wara ftit żmien.

Iżda hawnhekk ma domtx wisq tmexxi
Triq oħra kien hemm għalik –
Isqof t’Għawdex Ruma qalet
Il-Baklu f’idejk tagħtik!

U ħmistax-il sena tgerbu
Tmexxi lil dil-merħla Għawdxija;
Lilha twissi, twiddeb, teħles
Minn kull għawġ illi jherriha.

Sakemm feġġet il-ġurnata
Li mill-ġdid Ruma kellmitek –
Segretarju minn tas-Sinodu
Għal darb’oħra din sejħitlek!

Kont diġà bdejt itmidd għonqok
F’din il-kariga prestiġġjuża
Iżda l-Papa milli jidher
Għalik kellu spazji usa’

U mit-tieqa ta’ kamartu
Ħabbrilna l’int Kardinal –
Lejn l-aħħar minn ta’ Novembru
Fost il-ferħ tal-kbar u ż-żgħar.

Eminenza nifirħulek
Kemm ninsabu ferħanin
L-ewwel fost ulied dan Għawdex
Li għamiltna hekk kburin.

Flimkien aħna ser nitolbu
Lil Ommna minn tas-Sikors
U lill-Papa kbir Gregorju
Lil ħajtek jimlew bil-għors

Sabiex mal-Qdusija Tiegħu
Tistinka għall-Knisja tagħna
Biex din tikber u tinfirex
U bil-grazzja dlonk tistagħna.

Kav Joe M Attard
01 – X1 – 2020