Filmat: Lil Adreana d-diżabilità ma twaqqafhiex milli tkabbar il-potenzjal f’ħaddieħor

Adreana, tfajla ta’ 19-il sena, sa ftit aktar minn sena ilu qatt ma basret li kien se jkollha tieqaf mill-ġinnastika minħabba diżabilità li ġiet fuqha ħabta u sabta. Iżda minkejja dan, Adreana biddlet id-diżabilità tagħha f’potenzjal fiha nnifisha u f’ħaddieħor.
Fil-Jum Internazzjonali tad-Diżabilità, Adreana tirrakkonta kif illum, sena wara li kellha tieqaf kontra qalbha mill-ġinnastika tħoss sodisfazzjon qawwi meta tgħin lil ħaddieħor jasal fejn dejjem xtaqet tasal hi.
L-istorja ta’ Adreana bdiet minn uġigħ f’daharha waqt taħriġ biex tieħu sehem fil-Commonwealth Games tas-sena li għaddiet. Mill-MRI irriżulta li wieħed mir-rukkelli ta’ daharha kien qed jiċċaqlaq, iżda qalulha li ma kien xejn gravi.
Fil-fatt Adreana telgħet l-Iskozja biex tieħu sehem fil-logħob, iżda l-uġigħ kompla jiżdied. Qatt ma bassret li meta kienet pass biss minn dak li kienet ilha xhur taħdem għalih, kellha ttemm il-karriera tagħha.
Minkejja t-tbatija, Adreana kompliet bit-taħriġ u saħansitra kkompetiet, iżda l-uġigħ tant kien qawwi li kellha taċċetta li tieqaf.
“Kien xokk kbir għalija,” qalet Adreana. “Indunajt li ma kienx se jkun żmien ta’ recovery iżda se jkolli nieqaf.”
Hawn beda żmien diffiċli għal Adreana. Inqaflet erba’ xhur id-dar u ma riedet tkellem lil ħadd.
Tirrakonta iżda kif darba fost l-oħrajn, ħajjitha ħadet volta oħra meta omm qaltilha li t-tfal atleti tgħidx kemm ilhom isemmuha.
Dak il-kumment biddel ħajjet Adreana u minn dik il-ġimgħa stess bdiet tgħin lill-atleti tal-Ispecial Olympics.
“Qatt ma immaġinajt li minn episodju ikrah, se toħroġ xi ħaġa daqshekk sabiħa,” qalet Adreana bid-dmugħ f’għajnejha. “Ma tistax tispjega l-ferħ li jagħtuni dawn it-tfal.”
L-istorja ta’ Adreana hija messaġġ ħaj għal dawk li qatgħu qalbhom.
“Trid issib xi ħaġa li tgħinek timxi ‘l quddiem,” qalet Adreana. “Jien sibtha fl-Ispecial Olympics.”
Minkejja li Adreana ma tistax tikkompeti, tinsa kollox meta tara lill-atleti tagħha jirnexxu bħalma għamlu din is-sena, meta waqt lIspecial Olympics rebħu għal Malta 11-il midalja għal Malta.
L-intervista ma’ Adreana xxandret waqt il-programm T’Għomru Qasir fuq RTK.

Filmat: Reel8 Productions