Lili Puli ma ħajjarnix biex noħroġ – Ellis

Dr Joe Ellis qal lil Newsbook.com.mt li Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-PN,  “qatt ma ipprova jħajru joħroġ għas-siġġu vakat min David Stellini”. Hu qal li meta ċempillu  Puli, fid-dawl tal-elezzjoni tas-Sibt, “staqsieh jekk hux interessat li joħroġ”.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lil Ellis wara li nhar il-Ħamis ġibna artiklu dwar l-ittra li kiteb fuq Facebook.  Newsbook.com.mt ġab ukoll l-ispjega li s-Segretarju Ġenerali tal-PN is-Sur Clyde Puli ta għat-telefonati li huwa għamel lil dawk kollha li kienu ħarġu għall-elezzjoni fuq id-distrett ta’ Għawdex. Puli qal li huwa ċempel lil kulħadd biex ikun jista’ jorganizza aħjar il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv  tallum is-Sibt li fiha se tintgħażel il-persuna li se tkun co-opted biex timla l-post parlamentari li ħalla David Stellini.

Aqra: Aġġornata: Siġġu Stellini: Puli jgħid li ċempel lil kulħadd biex jipprepara għas-Sibt

Ċemplilna  wkoll eks-kandidat tal-PN. Huwa qal li meta snin ilu kien ħareġ għall-elezzjoni, kien se jkun hemm co-option fid-distrett tiegħu u li s-Segretarju Ġenerali ta’ dak iż-żmien kien ċempillu biex isaqsih jekk hu kienx interessat li jikkontesta, għax fil-kaz li iva, kien jistiednu għal-laqgħa tal-Eżekuttiv.

Aqra: Aġġornata: Jikber l-appoġġ għal Kevin Cutajar

Mill-banda l-oħra Maria Portelli f’post fuq Facebook irringrazzjat lil Clyde Puli, Segretarju Ġenerali tal-PN “talli huwa personalment għamel kuntatt miegħi sabiex joffrili li nkun parteċipi fl-elezzjoni interna għal co-option tas-siġġu vakat minn David Stellini.”

Xi ntqal waqt Newsline

Il-co-option li se jagħmel il-Kumitat Eżekuttiv kienet ukoll diskussa waqt il-programm Newsline imxandar  fuq RTK is-Sibt fil-għodu. David Agius, Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg dwar l-għala ħafna Nazzjonalisti ma jaqblux ma’ Adrian Delia, dwar il-kummenti iebsin ta’ Robert Arrigo, dwar il-kampanja elettorali u dwar x’għandu jsir issa mill-PN.

Fr Joe Borg, il-preżentatur tal-programm u Chair tal-Bord Editorjali qal li huwa jagħmel apoloġija għall-iżball fil-titlu tal-istorja li deheret il-Ħamis fuq Newsbook; titlu żbaljat li ma sarx mill-ġurnalist li taħt ismu tidher l-istorja.

Fl-istess waqt ikkummenta li l-proċedura li adotta s-Segretarju Ġenerali għal-laqgħa ta’ dan is-Sibt jidher li kienet differenti mill-proċedura adottata s-Sibt ta’ qabel. Huwa fakar fl-istqarrija tal-eks president tal-Eżekuttiv li qal li fil-laqgħa ivvutaw nies li ma kellhomx dritt jivvutaw u li allura l-laqgħa kienet ivvizzjata. Il-preżentatur kompla jikkummenta li s-Segretarju Ġenerali missu induna li l-bidla fil-proċedura minn Sibt għall-ieħor kienet se tqajjem ħafna mistoqsijiet.

Ara: Il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista