“Lili ħadd ma staqsieni dwar l-isptar prefabrikat” – Jason Azzopardi

Press_Conference_Jason_Azzopardi

“Għalkemm qed jingħad li saret inkjesta li ma sabet xejn irregolari fil-proposta għall-offerti dwar l-isptar prefabrikat li l-Gvern irid jibni, nista’ ngħid li lili ħadd ma avviċinani biex ngħid x’naf u għaliex qajjimt il-mistoqsijiet li qajjimt”.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi li kien hu li tefa’ dubji u qajjem suspetti dwar it-talba għall-offerti għall-isptar prefabrikat.

Kien lejlet li kellu jintgħażel min se jirbaħ it-tender biex jibni l-isptar, li fi blogg fuq Newsbook.com.mt Azzopardi qal li xi ġimagħtejn qabel ħareġ it-tender, il-kumpanija TEC Ltd kienet avviċinat lill-kumpanija Roder, f’Hessen, il-Ġermanja u talbitha stima dettaljata għal sptar bħal dan. Azzopardi ddeskriva s-sid ta’ TEC Ltd bħala partitarju kbir Laburista.

Ir-reazzjoni ta’ Fearne

Ir-reazzjoni tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kienet immedjata. Huwa waqqaf il-proċess tal-għażla sakemm isiru investigazzjonijiet. Sadanittant il-Ministru qal ukoll li d-ditta li ssemmiet kienet bagħtet nota biex tgħid li mhux veru li kienet taf minn qabel li kellu jinbena sptar prefabrikat u li lanqas ma għamlet offerta.

L-MP Jason Azzopardi fi blogg ieħor wera sorpriża li l-Ministru semma ċ-ċaħda tal-kumpanija. Huwa qal li kien ovvju li l-kumpanija se tiċħad. Żied jgħid li l-fatt li TEC Ltd ma tefgħetx offerta f’isimha ma jfisser xejn.

“Kulħadd jaf li fid-dinja tal-kummerċ hemm dak li jidher u dak li ma jidhirx. Min qal li ma ġarax hekk f’dan il-każ ukoll?” staqsa Dr Azzopardi.

Is-Sibt li għadda t-Times of Malta qalet li kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa qalilha li l-investigazzjoni mitluba mill-Ministru Fearne saret mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti u mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru. Dawn ma sabu xejn ħażin fil-proċess u li allura l-proġett seta’ jibqa’ għaddej kif ippjanat.

Azzopardi, meta kkuntattjat minn Newsbook.com.mt qal li lilu ħadd ma kellmu biex jgħid x’jaf dwar dak li ġara. Huwa qal li inkjesta interna lilu ma sserraħlux moħħu li l-affarijiet imxew sew.

Min ma applikax

Newsbook.com.mt huwa infurmat li mill-anqas ditta waħda Ingliża li kienet imħajra tagħmel offerta, iddeċidiet li ma tagħmilx dan għax kellha dubji dwar kif kien qed jitmexxa l-proċess tal-għażla.

Anke ditta kbira Maltija li kienet interessata li titfa’ offerta ddeċidiet li ma tagħmilx dan għax qieset li l-proċess tal-għażla ma kienx wieħed serju. L-istess ditta qaltilna li d-dokument tat-tender kien wieħed dgħajjef u nieqes minn informazzjoni importanti ħafna li kienet essenzjali biex issir offerta bis-serjetà. Żiedet tgħid li “l-fatt li l-offerti jvarjaw minn kważi €4 miljun għal €29 miljun juri dan ċar”.