Lil min iridu għal X Factor All Stars?

Jedward. Ritratt: RTE

Jidher li għaddejjin ġmielhom it-trattattivi biex is-sena d-dieħla fuq l-istazzjon Ingiż ITV jixxandru fl-istess żmien żewġ verżjonijiet tal-programm X Factor.

L-ewwel verżjoni hi dik li nafu, għalkemm mhux eskluż li jsir xi tibdil fil-format eżistenti.

Iżda mbagħad hemm il-verżjoni All Stars li wkoll qed tqajjem ħafna interess iżda li tista’ tinħass xi ftit riskjuża għall-artisti li jieħdu sehem fiha.

Dan għaliex li artisti stabbiliti jieħdu sehem f’kompetizzjoni mhux neċessarjament tirrifletti tajjeb fuq il-karriera tagħhom.

Skont xi rapporti li ħarġu, qed jingħad li x-xewqa tal-produzzjoni hi li jinkludu f’din il-kompetizzjoni lil Leona Lewis u Shayne Ward. Iżda dawn ma tantx jidhru ħerqana li jikkommettu s-sehem tagħhom.

Ritratt: ITV

Id-duo Irlandiż Jedward, li jafu l-bidu tagħhom fl-X Factor tal-2009, kif ukoll rajnihom fil-Eurovision Song Contest fl-2011 u fl-2012, ikkonfermaw li ġew avviċinati imma qalu li għalissa għadhom ma kkommettewx rwieħhom għal dan il-proġett.

Saara Alto, li kienet kisbet suċċess kbir fil-kompetizzjoni tal-X Factor u rrappreżentat lill-Finlandja fil-Eurovision Song Contest tas-sena l-oħra, minn issa qalet li mhux interessata tkun f’dan il-proġett, l-aktar wara l-impenn li ħadet din is-sena għall-kompetizzjoni televiżiva Dancing with the Stars.

Olly Murs wkoll qal li mhux interessat li jmur filwaqt li Fleur East kienet pjuttost kawta u qalet tinsab inċerta jekk tridx tkun parti minn dan il-proġett.

Ryan Clark-Neal, li jaf il-karriera tiegħu lil dan il-programm qal li huwa ħerqan li jsegwi l-kompetizzjoni minn fuq it-televiżjoni, iżda li m’għandu l-ebda ħajra li jkun parti mill-kompetizzjoni.

Allura min huma dawk interessati li jirritornaw fil-kompetizzjoni tal-All Stars ta’ X Factor?

Fost dawk li tkellmu fil-pożittiv hemm Wagner, Honey G, Rak-Su, Stevi Ritchie u Sam Bailey.

Iżda kemm minn dawn l-artisti huma daqshekk b’saħħithom biex jattiraw l-udjenza mixtieqa?