Lil minn ħebb għalija ngħidlu issa niltaqgħu l-Qorti – Azzopardi

jason azzopardi

Read in English.

Il-MP tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li min sfidah, heddu, għajru, jew ħebb għalih jgħidlu li jarah il-Qorti.

Fuq Facebook Azzopardi għamel ‘share’ ta’ filmat ta’ One News entitolat “Attivisti Nazzjonalisti jħebbu għal Jason Azzopardi”. Il-filmat li ttieħed ilbieraħ wara l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN juri lill-pulizija jżommu raġel li qed jgħajjat “niltaqgħu Jason jien u int.”

Azzopardi qal li “lil dawn l-imsieken” jikkumpatihom għax skontu “fl-aħħar xhur ġew mitmugħa kliem ta’ firda u mibgħeda, minn min imexxi l-PN, kontra deputati tal-PN stess, sa jumejn ilu fuq il-midja tal-PN stess li sal-lum kienet imbarrata għalijja u sħabi.”

Azzopardi saħaq li hu ma beżax minn qattiela, traffikanti tad-droga, nies involuti fil-kuntrabandu, u korrotti multimiljunarji.

“Minix se nibża’ minnkom,” saħaq Azzopardi.

Lil dawn l-imsieken nikkumpatihom ghax fl-ahhar xhur gew mitmugha kliem ta’ firda u mibgheda, minn min imexxi l-PN,…

Posted by Jason Azzopardi on Friday, July 24, 2020

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista (PN) qal li waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-lejla, ntlaħaq qbil unanimu fuq id-domanda li se titressaq quddiem il-Kunsillieri tal-partit.

“Fuq mozzjoni mressqa minn Adrian Delia ssekondata minn Michael Asciak, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista se jintalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom għad-domanda: Il-membri tal-Kunsill Ġenerali jiġu mitlub jagħżlu jekk it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista fil-Konvenzjoni Ġenerali għandhomx; Jikkonfermaw il-Kap tal-partit jew Jeleġġu Kap tal-Partit Nazzjonalista,” qal il-PN.

Il-Kunsill Ġenerali tal-partit se jitlaqqa’ l-Ġimgħa 31 ta’ Lulju u l-votazzjoni se ssir l-għada s-Sibt l-1 ta’ Awwissu.

Wara l-laqgħa Adrian Delia qal li jekk ikun hemm elezzjoni għal kap ġdid, huwa jikkontesta din l-elezzjoni. Saħaq li kien kuntent li kien hemm qbil unanimu fuq il-mozzjoni tal-lum. Qal li huwa vot favur id-demokrazija. Qal li l-Kap tal-PN irid jirrifletti l-għażla tal-aktar firxa wiesgħa.