​Lil min itellgħuh sas-sema u lil min isabbtuh mal-art

Wara d-derby tar-Ruma li ntlagħab il-Ħadd li għadda, fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, tpinġa wiċċ Francesco Totti mal-ħajt tal-iskola Pascoli f’Ruma .
Din l-iskola tinsab fil-kwartier ta’ Porta Metronia, fejn twieled Francesco Totti.
Din it-tpinġija saret bil-kunsens tal-Muniċipju u tal-captain ta’ Roma Totti.
Ta’ min jgħid ukoll li l-iskola li tpinġa wiċċ Totti magħha, tinsab faċċata ta’ Romulea, klabb sportiv fejn Totti kien beda jitgħallem jilgħab bil-ballun.
Minn naħa l-oħra l-plejer Lewandowski ngħata trattament xejn sabiħ daqs ta’ Totti, meta dalgħodu ħareġ mir-residenza tiegħu u sab il-Porsche Cayenne tiegħu bla roti.
Dan il-plejer f’Ġunju li ġej se jħalli t-tim ta’ Borussia Dortmund sabiex jingħaqad maċ-Ċampjins tad-Dinja Bayern Munich.
Il-partitarji ta’ Borussia Dortmund xejn ma niżżlitilhom għasel din l-aħbar tant li nies mhux magħrufa, serqulu l-erba’ roti tal-karozza.
Kulħadd xortih fid-dinja, lil min itellgħuh sas-sema u lil min isabbtuh mal-art.