Lil min ingħataw il-promozzjonijiet fil-ħabs?

ufficjali-kordin

Hekk kif ġew konklużi proċessi tal-għażla għal diversi karigi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, uffiċjali korrettivi esprimew ir-rabja tagħhom ma’ Newsbook.com.mt minħabba preferenzi li skont huma kienu mistennija li se jingħataw “għax huma qrib ħafna tal-amministrazzjoni, minħabba l-kulur politiku tagħhom jew għax daqt jispiċċaw biex jieħdu pensjoni aħjar”. 

L-uffiċjali semmew diversi karigi fosthom:

Assistent Manager Korrettiv jew kif qed jissejjaħ “kaptan korrettiv

L-uffiċjali li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li l-ħames persuni li ntgħażlu:

  • ilhom żmien twil hemm ġew u huma n-nies li rrenjaw fil-post u għamlu l-klikek tagħhom
  • Waqt il-lockdown wieħed minnhom instab rieqed fil-prison ground wara lejl ta’ xorb alkoħoliku
  • L-uffiċċju li hu responsabbli għalih wieħed minnhom ħareġ mill-ħabs priġunier qabel iż-żmien.
  • Uffiċjal ieħor imexxi skwadra speċjalizzata u f’Lulju li għadda daħal fis-satra tal-lejl ma’ uffiċjal mara li għadha dieħla l-ħabs.  Newsbook.com.mt infurmat li l-istqarrijiet dwar il-każ ittieħdu fil-bidu ta’ Ottubru, xahar wara l-publikazzjoni tal-artiklu ta’ Newsbook.
  • Uffiċjal ieħor li allegatament kien qabbad grupp ta’ nies biex jagħtu xebgħa lil min seraq lil ommu. “Kulħadd jibża’ minnu minħabba s-saħħa li għandu. Anke xi diretturi joqogħdu attenti kif ikellmuh”.
  • Żewġ fizzjali li ftit ġimgħat ilu spiċċaw jargumentaw bl-ikrah fil-gate house.  Hemm pika kbira bejniethom dwar min se jkollu l-aħjar pensjoni u l-iżjed poter.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li “fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, id-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli, ma kellux għażla oħra, ħlief li jbaxxi rasu u jlaħħaqhom fi grad ogħla”. Barra minn hekk, kif irrapporta Newsbook fl-aħħar ġimgħat, persuna ta’ fiduċja ġiet promossa għal dan il-grad mingħajr l-ebda intervista jew sejħa, u ġiet trasferita mis-Servizzi ta’ Detenzjoni.

Uffiċjal Korrettiv Anzjan jew Surġent Maġġuri

Fil-ġimgħat li għaddew ġew ippubblikati r-riżultati għall-kariga ta’ Surġent Maġġur. Applikaw b’kollox mal-74 uffiċjal u għaddew 40.

Skont l-uffiċjali li tkellmu ma’ Newsbook l-intervisti saru minn żewġ persuni li m’għandhom l-ebda għarfien tax-xogħol korrettiv hands-on, u li wieħed minnhom ħarġet vakanza speċifikament għalih bħala Uffiċjal Kap tal-Amministrazzjoni, liema kariga ma tappartjenix għall-klassi ta’ servizz korrettiv u qatt ma eżistiet.

Żiedu jgħidu li l-interviewing board kien ħafna drabi mingħajr kworum u l-applikanti lanqas ma ngħataw il-kriterji tal-immarkar tal-klassifikazzjoni minn qabel, biex ikunu jafu dwar xiex se jiġu ttestjati. Allegaw ukoll li kien hemm min ma ngħatax biżżejjed marki u li l-bord ma kienx ġust. Semmew fost l-oħrajn li “uffiċjali li ma jafux jiktbu jew jaqraw, jew dawk li se jħallu s-servizz dalwaqt, ingħataw marki ogħla”.

Dan minkejja li fis-sejħa interna kien indikat li l-applikant irid ikun kapaċi jikkomunika bl-Ingliż minħabba li ħafna mill-priġunieri huma barranin.

Dawn l-applikanti jridu jsegwu kors li jinvolvi kitba u eżamijiet:

Uħud mill-uffiċjali li “ma ntgħażlux” jew “saru ineliġibbli” qed jikkunsidraw li jappellaw quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) jew l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Kwistjoni oħra li tqajmet fost l-applikanti kienet li s-sejħa tal-applikazzjonijiet hemm iddikjarat fiha li l-proċess tal-għażla huwa ta’ 100 marka.

Imma mbagħad skoprew li l-affarijiet inbidlu u l-marki totali telgħu għal 300 marka. 

Uffiċjali “demoralizzati”

Uffiċjali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt  spjegaw kif bħalissa jinsabu demoralizzati minħabba diversi preferenzi li jaffaċċjaw fil-ġurnata tax-xogħol tagħhom. “Qed iċaħħduna mill-ispirtu ta’ kuraġġ, u jarmuna f’diżordni u konfużjoni”, żiedu jgħidu. Saħqu li kwalunkwe demoralizzazzjoni tnaqqas il-fiduċja u l-forza, u tkompli tnaqqar il-kapaċità ta’ persuna biex tlaħħaq jew tikkontrolla s-sitwazzjoni.  Irreferew anke għar-rappurtaġġ fuq il-gazzetti minħabba mġiba u azzjonijiet ħżiena, li fi kliemhom “huma veri, mingħajr ebda esaġerazzjonijiet”.

Tennew li għadhom isiru preferenzi fost uffiċjali qrib tal-amministrazzjoni, pereżempju bħal min jista’ japplika għal kors tal-fotografija u min iservi f’taqsimiet speċjalizzati.

Esprimew il-frustrament tagħhom minħabba li minflok jingħataw l-opportunitajiet biex javvanzaw f’xogħolhom, “iġibu n-nies tagħhom minbarra l-ħabs”, bħall-kordinatur sportiv, uffiċjali ta’ Saħħa u Sigurtà u uffiċjal tal-loġistika.