​Lil Dun Ġużepp niftakru b’għajnejh dejjem jidħku – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal jiftakar lil Kon. Ġużepp Hili dejjem bi tbissima fuq fommu u għajnejh jidħku.
Waqt l-Omelija tiegħu fil-funeral ta’ Dun Ġużepp fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur, l-Isqof Grech qal li l-ħarsa ġeneruża ta’ Dun Ġużepp kienet twassal ‘il bogħod u b’hekk kien iwassal il-kelma ta’ Alla ma’ dawk fil-periferija.
Mons. Grech qal li ħafna nies jibqgħu jiftakru l-ħarsa ta’ ċertu persuni, inkluż il-ħarsa ta’ imħabba li jkollhom. Qal li hemm għajnejn irrabjati u hemm oħrajn jixgħelu bil-ferħ.
“Fl-imgħoddi fuq l-altar prinċipali tal-knejjes tagħna kien ikun hemm it-tużell li kien ikollu għajn kbira mpittra fuqu li tirrappreżenta lil Alla li qed jarana. Darba xi ħadd qalli li dik l-għajn tfisser li Alla qiegħed għassa fuqna biex, jekk niżbaljaw, itektikhielna, jew jekk immorru xi ftit żmerċ, jieħu nota! Din mhix il-ħarsa ta’ Alla. Kif jgħid il-Vanġelu, Alla għandu għajnejh idemmgħu daqskemm iħobbna u jitgħaxxaq bina.”
L-Isqof qal li jistħajjel li meta Ġesù jagħmel is-sejħa għas-saċerdozju, il-ħarsa tiegħu tisraq il-qalb tal-qassis li jilqagħha. Saħaq li “b’din il-ħarsa kollha mħabba, Alla għamlilna l-proposta tal-ministeru saċerdotali. Fil-każ ta’ Dun Ġużepp, din is-sejħa kienet aktar imżewqa, għax l-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu qattagħhom fil-missjoni fl-Arġentina.”
Mons. Grech spjega li dan il-kliem jgħodd ukoll għall-bnedmin kollha.
L-Isqof għamel stedina lil kulħadd biex jislef għajnejh lil Ġesù, biex meta l-għajnejn ta’ żewġ persuni jiltaqgħu, jaraw il-ħarsa ta’ Ġesù.
Ritratt: Mario Muscat